Liedna ħadra, safra, ħamra, bluna, dehbiena jew fiddiena, f’forom ta’ qniepen, stilel, siġar, ċrieki, nokkli, bi bozoz mlewnin jixegħlu u jintfew. Għanjiet tal-Milied kulfejn tmur u atmosfera ta’ ferħ anġeliku. Nina u Doris fl-element tagħhom. Diċembru huwa x-xahar favorit tagħhom għax iġib miegħu numru ta’ attivitajiet speċjali li jirrikjedu enerġija, ħsieb u rieda soda.
Wara d-dehra tagħhom fil-programm ta’ Rachel, Nina u Doris intlaqgħu fir-raħal b’merħba kbira u speċjali bħal żewġ astronawti li għamlu suċċess fil-missjoni spazjali tagħhom. Iżda tajjeb li l-ewwel naraw x’ġara eżatt wara l-programm Tista’ Tkun Int. Waqt it-tgħanniqa bejn Doris, Nina u Sophie, minn moħħ il-ħbieb tagħna beda għaddej mitt elf ħsieb. Ma kinux jafu għalxiex kienu deħlin. L-ewwelnett lil Sophie ma kinux jafuha la minn Adam u lanqas minn Napuljun. It-tieninett ma ridux li jqattgħu l-Milied magħha. Iżda dak il-mument kien jirrikjedi s-silenzju u l-aċċettazzjoni ta’ Sophie, ladarba kienu quddiem il-kamera! Kif jispiċċa l-programm ikunu jistgħu juru snienhom.
Rachel għalqet il-programm bħas-soltu u ċ-ċapċipa aħħarija temmet is-serata. Kulħadd qam biex jaqbad triqtu lejn id-dar u Doris u Nina rrealizzaw li huma kienu bla karozza u li kienu jiddependu għal kollox fuq Rachel. Nina kienet għejiet u Doris kienet waslet biex tibda taqbżilha. Waħda b’għajnejha mqabbżin ’l barra u l-oħra tpassi min-naħa għall-oħra qisha għasfur f’gaġġa. Sophie baqgħet imħaxkna magħhom u tipprova titbissmilhom biex taqbad id-diskors iżda l-ħarsa tal-ħbieb tagħna kienet taqta’ aktar mix-xabla li kienet ilha żżomm fl-armadju għal sekli sħaħ. Nina marret fuq Rachel u staqsietha għat-trasport. Qaltilha li għandha l-vini ta’ saqajha juġgħuha u li Doris għandha daharha juġagħha u li issa biżżejjed u li trid tmur id-dar minnufih. Rachel laqgħetha bil-ħlewwa u qaltilha li Rajmondo kien qed jistenniehom biex jeħodhom il-palazz ta’ San Anton għax il-President kien qed jistenniehom għax ried udjenza privata magħhom. Il-foxy beda jiċċaqlaq u jitbandal bl-eċċitament ta’ Nina li beda jimmanifesta ruħu f’nifsijiet profondi ma jaqtgħu xejn. Doris ukoll bdiet teċita ruħha u bdiet tħossha li mhix ippreparata biżżejjed għal din il-laqgħa tassew importanti. Sophie biss kienet rilassata, bi tbissima stramba lesta biex tmur tgħawwiġlu tnejn u turi lil President id-dixxendenza nobbli tagħha.
Fis-siegħa ta’ filgħodu, karozza b’wiċċ Rachel stampat fuqha dehret dieħla mill-bieb tal-ġenb ta’ San Anton. Is-suldat kien donnu jaf bihom għax hekk kif resqet il-karozza lejn id-daħla, dan fetħilhom minnufih u tahom is-salut. Għal dan il-ġest Nina għollietlu idha u sellmitlu à la reġina. Bdiet tieħu l-qagħda. Bil-kowt roża u l-browċ fuq il-pavru Nina kienet imħejjija sewwa biex tiltaqa’ ma’ Ed.
Iżda x’seħħ eżatt fil-laqgħa tal-President? X’qalu bejniethom? Ħeq jien ma nafx u ma nistax ngħidlek għax ladarba l-udjenza kienet privata jien ma dħaltx magħhom. Li naf ngħidlek hu li t-tieqa ta’ l-uffiċċju tal-President damet mixgħula u miċ-ċumnija ta’ fuq l-uffiċċju kien jidher tiela’ duħħan abjad. F’xi s-sagħtejn ta’ filgħodu l-karozza reġgħet ħarġet mill-bieb tal-ġenb. Din id-darba s-suldat ta’ l-għassa ma sellimx għax kien qed jogħnos. Id Nina kienet ilha mgħollija lesta biex tirritorna l-ġest li kien għamillha fil-bidu, iżda baqgħet b’idha mgħollija tħares b’għajnejha mberrqa lejn is-suldat jagħti bil-mija.
Intant...Nina u Doris, wara l-programm ta’ Tista’ Tkun Int ħadu xejra oħra. Nina bdiet tidher b’rasha aktar wieqfa. Il-mossi kienet tagħmilhom b’iżjed grazzja u b’mod sottili. Anke d-daħka rranġat. Aktar irpożata u t-tixjir ta’ l-idejn waqt xi raġunament naqas ukoll. Doris min-naħa l-oħra bdiet tidher iżjed kunfidenti. Tħares aktar fl-għajnejn u titbissem xi ftit aktar. Tgħid il-President kien tahom xi lezzjoni? Qalilhom li se jkunu ta’ xi kontribut fis-soċjetà b’mod aktar pubbliku?
Iżda Nina u Doris kellhom problema. Sophie! Ma riduhiex ma’ saqajhom. Kienu jafu li din Sophie xtaqet tagħmilha aktar magħhom iżda huma bdew jibżgħu. Għaliex? X’kellha Sophie biex dawn it-tnejn bdew iħossuhom mhedda? Id-dehra tagħha kienet bil-wisq aktar differenti minn tagħhhom. Żnella, tilbes aktar ġovanili à la Franxiżż, titkellem b’Malti artab u kellha ħabta ddawwar ħalqha kulmeta titkellem. Wara l-laqgħa mal-President, li Sophie kienet magħhom ukoll, Rajmondo wassalhom id-dar ta’ Nina. Kif waqqaf quddiem il-bieb avżahom li l-vjaġġ tiegħu kien ser jieqaf hemm u li minn hemm kien ser jibqa’ sejjer għal għand Rachel. Nina bdiet tippilla u tgħidlu li mhux sewwa li lil dawn it-tnejn iħallihom barra t-triq. Rajmondo daħkilha tnejn u qallha li tista’ żżommhom hi. Nina kien se jtiha ħass ħażin. Mhux għax kienet ser iżżomm lil Doris. Dik kienet tafha u kienet ħabiba tagħha. Imma li ddaħħal lil Sophie għandha u traqqadha hemm...dik le! U hekk talbet lir-raġel biex iwassalhom hu. Ħarġitu mis-sodda u talbitu jagħmillha pjaċir.
Nina u Doris kellhom problema kbira. Aktar u aktar meta rrealizzaw li r-raħal kien laqa’ lil Sophie wkoll. Il-kappillan sejħilha biex tibda tagħti kontribut fil-parroċċa u Rafel is-sagristan tgħidx kif inbidel. Iżjed daħkan idur ma’ kull kolonna tal-knisja, jixgħel ix-xemgħat u ma’ kulwaħda li jixgħel iħossu jaqbad aktar minn ġewwa. Lil Sophie sar jafha wkoll. Ma kinitx tagħmel xogħol fuq ġewwa tal-knisja bħal tindif iżda fl-uffiċċju tal-kappillan, bilqiegħda quddiem il-kompjuter u twieġeb it-telefown. Kienet bdiet tmur tliet darbiet fil-ġimgħa u Rafel beda wkoll jittanta jesperimenta fl-ilbies u l-fwejjaħ. Dawk id-dwiefer twal itektku fuq il-keyboard kienu jqabbduh bħal tagħrix. Intant lil Doris beda jaraha differenti. Wara l-laqgħa privata tagħhom fil-karozza ħdejn it-torri Rafel ried relazzjoni aktar stabbli magħha u Doris bdiet tilgħabha tad-diffiċli. Kemm se jdum jiġri warajha qisha xi prima donna ħierġa tkanta l-opra? Issa b’Sophie fl-uffiċċju tal-kappillan, Rafel beda jirrifletti u jevalwa.
Ma kinux jafu kif ser jeħilsu minnha. Iżda mbagħad għamlu xi ħaġa li qatt f’moħħhom ma kienu joħolmu li jagħmlu. Doris kienet taf b’fortune teller tajba ħafna. Din għandha globu kbir tal-ħġieġ li fih tara immaġnijiet li kienu ser iseħħu fil-futur. Doris issuġġeriet li jmorru għandha ħa jaraw x’se jiġri u forsi din ittihom parir siewi. Nina ma riditx. “U jekk isir jaf il-kappillan?! Mela aħna ta’ hekk?” staqsiet imbaqbqa Nina mimlija inkwiet. “Ma jimpurtax Nin, ħadd mhu se jkun jaf. Jien, int u Becky BassaRa biss,” weġbitha minn taħt l-ilsien Doris.
Jumejn wara, Doris u Nina kienu fis-salott aħmar ta’ Becky BassaRa fil-qalba tal-Gżira. Doris kienet tafha diġà għax meta kienet għadha tixxejjer mar-riħ kienet marret għandha biex taqralha l-futur. Daħlu minn bieb żgħir mill-ġenb tat-triq biex ma jagħtux fil-għajn. Nina kienet imriegħda bl-inkwiet. Mela filli għand il-President u filli għand il-fortune teller! Dawn x’affarijiet huma! Qagħdu jistennew f’kamra żgħira fuq barra sakemm ħarġet mara minn wara purtieri ħomor u għamlitilhom sinjal biex jimxu warajha. Daħlu bil-mod il-mod, u sabu ruħhom f’kamra iżgħar, b’siġġijiet żgħar miksija bellus aħmar. Poġġew. Quddiemhom kien hemm mejda tonda żgħira bi globu kbir, kważi daqs il-mejda, u wara l-globu kien hemm Becky. Kif Nina għolliet wiċċha ‘l fuq biex tħares lejha ħadet qatgħa. Għajnejn il-mara kienu kbar ħafna. Sakemm irrealizzaw li din kienet qed tħarsilhom minn wara l-globu.
“Intom nies ixxurtjati ħafna. Għandkom ħafna fortuna tiġri ma’ saqajkom.”
Nina u Doris ħarsu lejn xulxin. Ma kinux qed iħossuhom ixxurtjati dak il-ħin. Bdew iħossu bħal dispjaċir irqiq li kienu ddeċidew li jmorru hemm.
“Intom se ssiru famużi ħafna. Ix-xabla sabitkom u intom sibtu lilha.”
“Maħniex nifhmuk Becky ħi, jekk jogħġbok tista’ tkun aktar ċara magħna,” staqsietha Doris minnufih.
“Qed nara mara, irqiqa, xagħarha iswed twil, tħobb tiżfen, qed iddur, tiżfen, ix-xabla fin-nofs, u bil-qiegħda fil-ġenb hemm żewġt irġiel...jieħdu gost jaraw lil din il-mara....issa miniex nara...iva....issa qed nara żewġ nisa oħra, waħda itwal mill-oħra, waħda b’idha mgħollija; bl-ewro f’idhom, ħafna ewro, jitbissmu u joffruhom lil ta’ madwarhom. Nisa famużi...iżda.....il-fortuna mhix se tibqa’ titbissem. Qed nerġa’ nara l-mara tax-xabla...., titbissem hi wkoll, m’għandhiex ewro f’idha; għandha x-xabla ... ”
Nina beda jxoqq l-għaraq għaliha. “Min huma dawk l-irġiel li semmejt fil-bidu?”
“Wieħed minnhom, qed naralu kopp, kopp aħdar, f’idejh....”
Doris qamet minnufih....Rafel...Rafel tagħha kien se jieħu grazzja ma’ Sophie! Qamu bilwieqfa, xeħtu għaxar liri lejn il-globu u telqu jiġru ‘l barra. Iddeċidew li mhux imbilli qalet Rachel. Din Sophie kienet ta’ periklu kbir għalihom u l-pjaċir tagħha li tiżfen, u li issa f’daqqa waħda ħadet interess fil-parroċċa ma kienet togħġobhom u tikkonvinċihom xejn. Iddeċidew li lil Sophie jeliminawha minn ħajjithom. Ma kienu ffirmaw l-ebda kuntratt. Il-kif u l-come mbagħad jiddeċiedu aktar tard.
U x’ġara fil-btajjel tal-Milied? Għandek tkun taf li Doris u Nina kienu mħabbtin sew tant li lil Sophie nesewha għal ftit. Fil-Milied ivvintaw li ma jifilħux u lil Sophie ħelsu minnha bil-pulit u l-festa ta’ l-Ewwel tas-Sena għexuha b’differenza. Wara li kienu mistiedna fuq il-programm ta’ Rachel, dawn saru popolari ħafna, eżatt kif kienet qaltilhom Becky Bassa Ra. Kif?
F’Malta kienet ser isseħħ bidla kbira. Il-munita Maltija kienet se titwarrab biex tiddaħħal il-munita ewro. U hawnhekk fejn daħlu Doris u Nina. Meta dehru fuq it-televixin, xi ħadd b’kariga importanti fis-soċjetà talabhom jieħdu sehem fil-kampanja favur l-ewro. Kien konvint li Doris u Nina setgħu jilħqu l-poplu u l-messaġġ tagħhom jasal għand kulħadd. Ħadulhom ir-ritratti u tefgħu x-xbieha tagħhom f’kull stejġ tal-karozza tal-linja. Immaġina....Nina u Doris, it-tnejn flimkien, Nina b’idha l-leminija ‘l fuq, issellem, tħares fiss lejn kull min iħares lejha, u fl-id l-oħra erba’ muniti ewro; Doris b’tazza tax-xampanja f’idha, tati daharha lil Nina, bi tbissima fuq wiċċha u fuq rashom b’ittri blu kbar : “Int bdejt taħseb bl-ewro?”
Iżda l-akbar attività kienet lejlet l-ewwel tas-sena. Bħala kontributuri fil-kampanja favur it-tagħlim dwar l-ewro, ġew mistiedna biex f’nofsillejl eżatt kif tidħol l-ewro huma jkunu preżenti għaċ-ċerimonja fejn fiha kien se jattendi l-prim ministru. Kellu jmur ħdejn magna ta’ l-ATM u jiġbed il-flus u Nina u Doris kellhom ikunu eżatt ħdejn Kate biex waqt li l-prim ixejjer il-karti ta’ l-ewro fl-isfond tidher it-tbissima ta’ Nina u l-approvazzjoni ta’ Doris. Libsu għall-okkażjoni. Il-foxy, il-browċ, il-kowt, il-libsa twila tleqq bil-qatgħa fil-ġenb kollha ħarġu għad-demostrazzjoni. Nina u Doris kienu hemmhekk fl-għaxra u nofs għax dawk kienu l-ordnijiet. Marru weħidhom għax l-inviti kienu ristretti ħafna. Għall-ewwel bdew jieħdu gost u saħansitra bdew jixorbu l-inbid li l-wejters bdew joffrulhom. Wara siegħa l-vini reġgħu bdew jinħassu u d-dahar reġa’ beda juġa’. L-għajnejn bdew jitberrqu u l-ippassiġġar beda. Bdew ifittxu fejn jistgħu jserrħu saqajhom iżda siġġijiet ma kienx hemm. Wara ftit ħin bdew jintelqu ‘l hemm u ‘l hawn fejn jiġi jiġi bħal żewġ baħrin fis-sakra. Id-dekor u l-preżenza reali ntesew għal kollox.
Għaxar minuti qabel it-tokki ta’ nofsillejl wasal il-prim ministru fuq il-post. Il-folla nġabret madwaru u l-fotografi u l-kameras bdew jiffokaw fiċ-ċentru ta’ l-attenzjoni. Daqqu nofsillejl u l-prim daħħal il-kard fl-ATM. Daħħal il-pin number u għafas in-numru ta’ ewro li ried. Stennija kbira, dwal tal-flash ma jaqtgħu xejn, u l-prim jistenna. Il-flus ma joħorġux. Il-magna weħlet. Reġa’ ħareġ il-kard, reġa’ daħħalha, reġa’ daħħal il-pin number u l-flus reġgħu ma ħarġux. Il-Prim ħass l-għaraq ixoqq għalih. F’daqqa waħda qatgħu t-trażmissjoni. Is-sitwazzjoni kienet kritika.
L-għada ħarġet stqarrija li l-magna ma ħadmitx għax ftit qabel din iċċaqalqet minn xi ħadd li kien hemm qabel b’konsegwenza li s-settings tħawdu. Kienu qed isiru xi investigazzjoni u żewġ persuni nżammu għall-mistoqsijiet. Nofs siegħa qabel dawn it-tnejn dehru qed iserrħu mal-magna u bil-piż tagħhom il-magna bħal donnha dehret tiddejjaq. Aktar informazzjoni fil-kapitlu li jmiss!