Thursday, December 20, 2007

Tista' Tkun Int

Nina u Doris kienu jgħidu kollox lil xulxin. Fi xħin ħa jagħmlu x-xirja, fi xħin se jibdew il-faċendi tad-dar, fi xħin marru jorqdu l-lejl ta’ qabel, kemm kellhom jikkoreġu u d-disperazzjoni li kienu qed iħossu, fi xħin sejrin il-quddies, f’liema ġurnata se jiżirgħu l-ġulbiena, meta ser isajru l-kejk u r-romblu tal-Milied, x’ħa jaraw fuq it-televixin f’dik il-lejla partikolari, x’se jixtru rigali għall-Milied u lil min, x’inhuma l-pjanijiet għall-btajjel...insomma...kif tista’ tinduna Nina u Doris kienu jinfurmaw lil xulxin b’kollox u waqt dan l-iskambju ta’ informazzjoni spiss kien ikun hemm diskussjoni, deliberazzjoni u dibattiti.

Iżda din id-darba kien hemm xi ħaġa differenti għaddejja minn moħħ Nina u Doris. It-tnejn li huma kienu għadhom bl-envelowp ta’ Rachel f’idejhom, iħarsu ċass lejh, ma jistgħux jemmnu liema stilla mixgħula jew mitfija kienet iddeċidiet li tiftakar fihom. Nina, minkejja li kienet qed tħossha mbeżżgħa bħal tifla ta’ 5 snin li qatt ma marret fuq it-televixin, kellha ħjiel ta’ eċċitament miġnun. Fl-aħħar kien se jaraha kulħadd. Fl-aħħar setgħet issemma’ l-vuċi vibranti tagħha u tgħaddi messaġġ li bih jista’ jitgħallem kulħadd. Il-foxy setgħet turih aktar fil-miftuħ u xtaqet li d-dehra tagħha fuq it-televixin tkun sorpriża bħal rigal moħbi f’bajda taċ-ċikkulata. U s-sorpriża kellha tkun anke għal Doris. Iddeċidiet li lill-ħabiba tal-qalb ma tgħidilha xejn. Tavżaha biex tara Tista’ Tkun Int għax kien ser ikun hemm storja li ġġib l-għajnejn wara l-widnejn u bdiet timmaġina lil Doris, bilqiegħda fuq is-sufan, mgħottija bil-kutra, iżżomm magg te sħun f’idejha u tfettet xi biskuttell ġo fih ... u waqt li jkollha l-biskuttell f’ħalqha tara l-immaġni ta’ Nina quddiemha! Il-biskuttell jaqa’ minn ħalqha u jillendja fit-te, waqt li Doris tintrebaħ mill-kurżità kbira li jkun irnexxielha tqanqlilha Nina.
Doris, tħares lejn l-envelowp, kien għaddej mitt elf ħsieb minn ġo moħħha. Ma kinitx taf x’se taqbad tagħmel u minn fejn ser tibda. Xtaqet li għadha fis-sodda sħuna bħal qanfud imrekken f’qoxortu, mitlufa fil-ħolm ‘l bogħod mir-realtà ta’ kuljum. Ftakret f’Nina u ġietha mistoqsija importanti f’moħħha. Nina se tkun qed tistenna li tgħidilha. U jekk tgħidilha tkun trid tmur magħha, takkompanjaha f’dan il-mument tassew importanti....għax se tidher fuq it-televixin. Iżda Doris ma riditx lil Nina magħha. Inqas ma tagħti fil-għajn kurjuża ta’ Malta aktar aħjar. Xtaqet li kieku ċċempel lil Colin u tgħidlu li ma tiflaħx...vera ma tiflaħx...ma tiflaħx għall-eċitament ta’ quddiem il-kamera. Kieku Nina kienet iżżidulha żgur. U allura ddeċidiet li ma tgħidilha xejn. Tieħu sorpriża u taraha fuq it-televixin. Imbagħad tgħidilha li kienet għamlet hekk għax riedet tferraħha...jew xi ħaġa hekk.
F’daqqa waħda indunaw kemm kellhom affarijiet x’jagħmlu u x’jippreparaw biex filgħaxija jidhru ta’ nies quddiem kulħadd. Nina marret fil-kamra tas-sodda u fetħet il-gwardarobba. Iddeċidiet li tilbes eżatt bħal dakinhar tat-tieġ. Il-foxy kien rieqed fl-iktar kantuniera mbiegħda u kif ra d-dawl u snien Nina mikxufin ileqqu bħal madum abjad illustrat, iċċaqlaq u wrieha li kien lest għall-avventura ta’ filgħaxija. Imbagħad ċemplet b’ġirja lill-hairdresser u talbitha tagħmillha pjaċir u ddaħħalha dakinhar biex tibblowjalha xagħarha. Doris, min-naħa l-oħra, sparat ‘il fuq fil-kamra tagħha u fetħet il-gwardarobba biex tara x’se tilbes. Riedet tidher pulita, żnella u ġovanili kemm jista’ jkun. Issa la se tidher, tara kif tagħmel u turi l-aħjar tagħha. Ma kinitx se tilbes il-libsa li kienet żanżnet it-tieġ għax dik il-qasma fil-ġenb ma kinitx adattata. Għajnejha waqgħu fuq libsa oħra, mingħajr qasma, iżda tajba għax tagħmilha tidher aktar żnella u bil-laħam jidher sa fejn suppost mingħajr ma titlef id-dekor. Ċemplet lill-hairdresser tagħha, mhux l-istess ta’ Nina, u għamlet appuntament ta’ malajr.

Sas-sitta u nofs ta’ filgħaxija, Nina u Doris kienu ppreparati biex imorru fuq Tista’ Tkun Int! Colin kien qalilhom li se jibagħtilhom ix-xufier u ma kellhomx għalfejn iħabblu rashom dwar fejn qiegħed l-istudjow. Fis-sitta u nofs daqqet il-qanpiena ta’ bieb Nina. Ir-raġel mar jiftaħ u quddiemu sab lil Rajmondo liebes bl-uniformi...jistaqsi għal Nina. Għajnejn Nina xegħlu bil-ferħ. Kemm kienet ilha tixtieq tieħu ritratt miegħu! Kemm-il darba telgħet il-fiera tan-Naxxar u ddur u tagħqad fejn l-istand ta’ Tista’ Tkun Int, bit-tama li tieħu ritratt miegħu iżda qatt ma rnexxielha. Qabdet il-kamera, li kienet se teħodha magħha, tatha lil żewġha, qabdet lil Rajmondo minn dirgħajh bħal qisha se tissekwestrah u daħħlitu fis-salott. Qaltlu biex jaqbadha minn qaddha u qalet lir-raġel biex iħaffef u jieħu ritratt. Dawn l-irġiel lanqas biss azzardaw imeruha. Għamlu eżatt kif ordnatilhom hi. Imbagħad, marret quddiem il-mera ta’ l-aħħar, meljet wiċċha ftit laġenba, tbissmet ftit u ftakret f’jum it-tieġ tagħha meta kienet se toħroġ mid-dar t’ommha lesta biex tilqa’ l-ħars kollu tal-madwar. Qabdet lil Rajmondo lambranzetta u ħarġitu fl-għatba tal-bieb. Waqqfitu għal 5 sekondi hemm u Rajmondo ħares lejha mifxul. “Sinjura Nina, m’għandniex ħin biżżejjed biex noqogħdu nitlajjaw. Għandna mistiedna oħra x’immorru niġbru,” qalilha bi ħlewwa sfurzata. L-għafsa ta’ idha ma’ driegħu bdiet tbeżżgħu u ddeċieda li aħjar joqgħod attent xi jgħidilha. Dawret wiċċha lejh....”X’jiġifieri mistiedna oħra? Mela mhux lili biss se twassal? Jien ippretendejt li ttuni l-attenzjoni kollha meħtieġa,” qaltlu Nina b’ton ta’ dispjaċir kbir. “Sinjura Nina,” reġa’ beda Rajmondo, “nista’ nassigurak li jien lilek se nkun qed nagħti l-aktar attenzjoni...kif nista’ ma nagħmilx hekk...mara sabiħa bħalek!” U Nina għal dan il-kliem inħallet u qaltlu biex iħaffu għax inkella ma jilħqux il-programm.

Fetħilha l-bieba u daħlet bilqiegħda qisha reġina fuq wara. Sellmet lir-raġel b’idha l-leminija bilkemm tiċċaqlaq. Ir-raġel liebes id-dressing gown ħa r-ruħ li issa martu kienet f’idejn Rajmondo. Għalqilha l-bieba, ta ħarsa lejn ir-raġel, għamillu sinjal b’rasu bħal qishom ftiehmu u daħal fil-karozza. Startja u telaq.

Rajmondo beda r-rotta biex jasal sad-dar tat-tieni mistiedna li bagħtitu Rachel. Nina bdiet tieħu gost iddur ġol-karozza ta’ Tista’ Tkun Int. B’wiċċ Rachel jitbissem stampat mal-karozza kienet qed tattira l-attenzjoni ta’ kull min kien għaddej fit-triq. Nina bdiet tistħajjilha Rachel innifisha....u kull min inzerta ħares lejn il-karozza kien isib ukoll wiċċ Nina tħares lejh bi tbissima reali kif taf tagħti hi biss. Iżda wara ħames minuti, Nina bdiet tħoss ċerta skumdità. It-triq li beda jsegwi Rajmondo kienet familjari ħafna. Bdiet tħossha bħal meta r-raġel kien iwassalha għand Doris. Sa dak il-ħin lanqas biss kienet ftakret fiha. Bdiet tħoss tingiż ma’ ġisimha kollu u bdiet tibża’ li se taraha quddiem wiċċha. F’daqqa waħda ħassitha ħatja li ma kinitx qaltilha bl-istedina li għamlitilha Rachel. Iżda hekk kif Rajmodo dar fit-triq fejn kienet toqgħod Doris, Nina bdiet toqmos fuq is-sit ta’ wara u ssaqsi lil Rajmodu fejn se jeħodha. “Tinkwetax Nina ħi, sejrin għall-mistiedna li jmiss...fejn tridni nieħdok...tgħid mhux xi mkien diżabitat!” Ħassu offiż u beda jisħet is-siegħa u l-mument li kellu jitqanna b’din il-bniedma.

Rajmondo waqaf eżatt quddiem il-bieb ta’ Doris. Sadattant Nina kienet b’għajnejha mberrqin bħal meta jtiha paniku u tara xi ħaġa mhux tas-soltu. Rajmondo niżel mill-karozza u mar iħabbat lil Doris. Nina riedet tindifen fis-sit tal-karozza u ma kinitx taf x’se taqbad tagħmel. Hekk kif Doris ħarġet mill-bieb, waqfet tħares lejn il-karozza u ġo fiha rat wiċċ Nina iħares lejha. Nina tbissmitilha u xejritilha waħda ta’ malajr. Doris ukoll ħassitha mgerfxa. Ma kinitx taf x’se taqbad tagħmel. Mela kienet mistiedna ma’ Nina? Mela kienet se tidher ma’ Nina fuq is-sufan flimkien ma’ Rachel? Iżda kellha taċċetta s-sitwazzjoni u tħalli lilha nfisha tinġarr mis-sitwazzjoni. Iddeċidiet li wara kollox aħjar taffronta dik il-lejla mal-ħabiba tagħha u mbagħad tiġi kif tiġi. Daħlet fil-karozza u s-skiet li kien hemm kont taqtgħu b’sikkina. Iżda f’daqqa waħda fetħulu t-tnejn u bdew isaqsu lil xulxin kif qegħdin hemm, meta rċevew l-istedina, għalfejn ma qalux lil xulin u s-sorpriża li ried jagħtu. F’dik iċ-ċirkustanza t-tnejn li huma ddeċidew li l-aħjar għalissa jinsew il-fatt li ma kienu qalu xejn lil xulxin u jaffaċċjaw is-serata flimkien bil-ħażin u t-tajjeb kollu li se jiltaqgħu miegħu.

Daħħluhom minn fuq wara ta’ l-istudjow għal ġo kamra mimlija siġġijiet. Hemmhekk kien hemm nies oħra qed jistennew. Tfajla li kienet donnha s-segretarja tal-produzzjoni laqgħet lil Nina u lil Doris u qaltilhom biex ipoġġu u joqogħdu jistennew. “Fadlilna biex nidħlu aħna miss?” staqsietha b’ċerta urġenza Nina. Iżda s-segretarja kienet laħqet tatha daharha u kompliet tilqa’ nies oħra u tpoġġihom fuq is-siġġijiet fejn kienet qed tindikalhom hi. F’daqqa waħa Doris bdiet tieħu gost li hemm Nina magħha. Almenu setgħu jagħmlu kuraġġ b’xulxin. Imbagħad ġuvni gustuż, bi qmis sewda u nofs sidru barra ġie jtihom pakkett kull wieħed. It-tfajla avżathom li kien ser ikollhom serata twila u f’dak il-pakkett għandhom isibu ħobża bit-tonn taż-żejt, juice tal-larinġ u ċikkulata biex hekk ikunu jistgħu jitrejqu. Fakkrithom li l-programm jispiċċa fis-siegħa ta’ filgħodu u kien hemm minnhom li kellhom jistennew ħafna. “Allura għalfejn ġibtna kmieni daqshekk?” stasqsiet Doris irrabjata. “Aħna m’għandniex ħin x’naħlu u jekk se jmissna f’nofsillejl konna niġu fil-ħdax!” It-tfajla qaltilha li dawk kienu l-ordnijiet ta’ Rachel u għandhom iħossuhom onorati li kienet se ttihom daqshekk attenzjoni fil-programm tagħha. “Bħallikieku aħna ridna niġu fil-programm! Fuq kollox lanqas nafu għalfejn ġibtna hawn u aħna lanqas biss narawh Tista’ Tkun Int!” qalet Nina. Gidba bajda biex forsi ma jħalluhomx joqogħdu jistennew ħafna.

Iżda kien kollu ta’ xejn. Nina u Doris ħassewhom bħal xi żewġ annimali f’xi ċirku eżotiku, bl-ikel f’idejhom biex joqogħdu kwieti u xħin ikun imisshom jidhru joħorġu għall-applawż. Il-bużillis kienet li ma kinux jafu x’inhu mistenni minnhom. Il-programm beda, l-applawżi kienu jinstemgħu perjodikament u kull darba kienu jaraw in-nies li kienu mistiedna u li sa ftit qabel kienu qed jistennew magħhom, deħlin minn ġo l-istudjow b’għajnejn daqsiex mimlijin dmugħ. Kienu jidhru li għaddew minn xi trawma emozzjonali u d-dwejjaq jew il-ferħ li ħakimhom kien għamilhom fraġli....quddiem Malta kollha! Nina u Doris bdew jibżgħu. Il-fatt li ma kinux jafu għaliex qegħdin hemm beda jżidilhom it-tensjoni. L-għajnejn ta’ Nina reġgħu tberrqu u ma setgħux jerġgħu lura għan-normal, l-attakk nervuż ta’ Doris beda jżid ukoll. Tpassi min-naħa għall-oħra bla sabar, tonfoħ u thedded li ħa taqbad u titlaq lejn id-dar. Iżda lejn id-dar ma setgħetx tmur għax mal-bieb kien hemm żewġ bodyguards. L-annimali kienu magħluqin fil-gaġġa!

Kienu nofsillejl meta nstemgħet is-sigla tal-programm.

Kont għaddej bi kwieti
Ma tajt fastidju ‘l ħadd
Int ħarist u għedtli
Tista’ Tkun Int

“Ġew jagħtu fastidju lilna imma ... dak li għamlu,” qalet Doris imxebbgħa sal-ponta ta’ mneħirha. Nina bdiet ittiha raġun u tgħidilha biex tipprova ssib is-sabar. Anke l-foxy mdawwar ma’ għonq Nina kien raqad u nesa li jrid joħroġ quddiem in-nies. Kienu laħqu kielu l-ħobża, xorbu l-juice u kielu ċ-ċikkulata, kien qabadhom in-ngħas u rashom kienet qed isserraħ mal-ħajt. Jistennew, dejjem jistennew. “Lanqas kieku morna l-emerġenza wkoll konna ninqdew aktar malajr,” qalet mmasħna Doris. “Taħlifx Doris ħi,” weġbitha Nina.

Fid-daqqa u l-ħin it-tfajla li kienet laqgħethom fil-bidu qaltilhom biex ilestu għax kienu se joħorġu fl-istudjow biex tkellimhom Rachel. Doris u Nina kienu qishom qed jgħixu f’ħolma. Bdew iħossu lilhom infushom mhumiex lebsin sew... imma ma kellhomx ċans joqogħdu jaħsbu wisq għax f’tebqa t’għajn sabu ruħhom wara bieb kbir tal-ħadid bit-toqob. Minnhom setgħu jaraw in-nies bilqiegħda u f’dak il-ħin kien hemm iż-żeffiena għaddejjin jentużjażmaw lill-udjenza hi u ċċapċap b’ritmu meqjus. It-tfajla ġabitilhom bukkett fjuri kull wieħed u avżathom biex kif jidħlu jtuh lil Rachel bħala rigal. “Mingħand min ngħidilha?” staqsiet imbellha Nina. “Mingħandkom ... minn min tridu jkunu?” wieġbet b’ċerta arroganza t-tfajla. Doris kienet se tiftaħ ħalqha biex twieġeb lil dik it-tfajla kif imiss u turiha li dak ma kienx mod kif tkellem lill-ħabiba tagħha iżda hekk kif kienet fetħet ħalqha l-bieb infetaħ u missier Rachel beda jdoqq bil-kitarra biex jilqa’ lil Nina u lil Doris fl-istudjow.

Bħal żewġ pupi mekkaniċi għaddew minn ġol-bieb u bdew niżlin it-taraġ li jagħti għal ħdejn Rachel. Fuq wiċċhom libsu tbissima soċjevoli iżda qalbhom tant bdiet tħabbat li bilkemm setgħu jiddeċifraw dak li kien qed iseħħ madwarhom. Kulħadd kien qed iħares lejhom; l-udjenza, Rachel, missier Rachel, iż-żeffieni weqfin stirati mad-dawra, Colin, tliet kameras kollha jteptpu bl-aħmar...kollox u kulħadd kien qed iħares lejhom. Ħassewhom bħal żewġ mudelli neżlin il-passarella bid-differenza li kienu mbeżżgħin, imwerwrin u mtertrin.

Kif waslu ħdejn Rachel offrewlha l-fjuri u din għamlet wiċċ ta’ sorpriża. Wasslithom sas-sufan u stednithom ipoġġu. Ħassew ġisimhom jinżel b’sabta kbira fuq is-sufan u dan laqagħhom fl-irtubija tiegħu. Rachel bdiet tagħmel l-introduzzjoni għall-istorja tagħhom, “Għeżiez telespettaturi, nilqagħkom għall-istorja li jmiss...storja li se tqanqal il-qlub u tqabbżilkom xi demgħa wkoll.” Hawnhekk Nina bdiet tħossha titqanqal diġà. Għajnejha bdew jiddemmgħu u Doris tatha daqqa minn wara, “għadna lanqas nafu x’inhi l-istorja...tibdiex,” pespsitilha f’widnejha. Iżda Nina kienet qed tħares lejn Rachel u lanqas biss tat kasha.

“Kif qed tħossukom allura Nina u Doris?” staqsiet Rachel b’ħarsa ta’ ħasra fuq wiċċha. Nina ma felħitx titkellem. Is-skiet li kien hemm f’dawk is-sekondi dehru eternità. “Eċċitati Rachel, eċċitati ħafna,” irnexxielha tgħid Nina. Doris kienet qisha belgħet ilsienha. Kienet qisha qed tipprotesta fis-skiet billi ma turi xejn minn dak li kienet qed tħoss. “Għaliex taħsbu li qegħdin bilqiegħda fuq dan is-sufan miegħi?” staqsiet Rachel. Nina u Doris baqgħu jħarsu lejha. “Tafu għaliex qegħdin hawn? Għandkom idea?” u hawn Doris ma felħitx aktar. “Ilna ħafna nistennew kieku biex inkunu nafu Rachel” qaltilha. Rachel ħasset in-nuqqas ta’ sabar fil-vuċi ta’ Doris u għalhekk biex teħles minn mument imbarazzanti talbet lir-reġija juru l-filmat ta’ meta Colin mar filgħodu biex jistedinhom fuq il-programm. Dak il-ħin Nina u Doris xtaqu jindifnu fis-sufan. Kellhom bħaċ-ċwieċ joqogħdu jaraw lilhom infushom, waħda bil-butir ma’ ħalqha u l-oħra bin-nightie tiftaħ il-bieb. Imbasta kien qallha li se jġib wiċċha biss!

“Intant, Nina u Doris, irrid ngħidilhom li l-istorja tagħkom hi delikata ħafna. Dan għaliex aħna rċivejna ittra mingħand xi ħadd...li jixtieq jiltaqa’ magħkom. Ma kienx jaf kif ser isibkom, ma kellux idea ta’ indirizz jew numru tat-telefown, u l-uniku mod kif seta’ jagħmel kuntatt magħkom kien permezz tal-programm tagħna. Tafu li Tista’ Tkun Int jgħaqqad il-familji wara ħafna żmien u hekk ser jiġri lilkom.” Nina u Doris baqgħu mbellhin. Bdew jinkwetaw....min seta’ kien? “Imma Rachel ħi, aħna m’għandna lil ħadd jiġi minna li qiegħed l-Awstraaalja jew il-Kanadaaa.....ma nafx min tridu jagħmel kuntatt magħna. U wara kollox jien u Doris ħbieb....maħniex familjari” qalet Nina mbaqbqa. “Aħna Nina, għamilna r-riċerka tagħna, taf li aħna għandna programm serju u maħniex ser inġibu affarijiet li mhumiex veri. Filfatt mintix qed tkun korretta fi kliemek għax taf li int u Doris tiġu mill-bogħod minn xulxin. L-għeruq tagħkom imorru lura sas-seklu sbatax.” Doris u Nina ma felħux jitkellmu. Ħassewhom bħal qishom issekwestrawhom xi aljeni u jafu kollox dwarhom u dwar il-passat tagħhom. Kienu jafu li kienu jiġu mill-bogħod minn xulxin imma eżatt kif ma jafux. U issa sa fl-aħħar xi ħadd kien se jgħidilhom. Id-determinazzjoni f’għajnejn Rachel kienet saħħrithom u f’daqqa waħda daru lejn xulxin u Doris u Nina bdew jitgħannqu. Bdew iħarsu lejn xulxin b’mod differenti, qishom sabu l-iben il-mitluf, bid-differenza li issa saru jafu li huma aħwa....aħwa mill-bogħod iżda xorta aħwa. Imbagħad daru fuq Rachel u bdew jirringrazzjawha. Id-dmugħ nieżel minn għajnejn Nina għamel trejqa sewda ma’ ħaddejha u d-dehra tagħha kienet waħda orribli. Iżda hekk kif daru lejn Rachel din waqqfithom billi għamlet sinjal b’idejha bħal pulizija tat-traffiku.

“Is-sorpriża mhijiet din għeżież tiegħi. Hemm persuna li qed tgħid li tiġi minnkom. Ilha ħafna tfittixkom u bis-saħħa tagħna għamlet il-kuraġġ u ħadet l-akbar pass ta’ ħajjitha. Għalissa ma tridx tidher mill-ewwel quddiemkom. Tixtieq tara jekk intom għandkomx pjaċir biha. U għalhekk ġietna l-idea li nuruhielkom minn wara liżar abjad u tkunu tistgħu titkellmu xorta waħda. Jekk tgħidulha li tixtiequ tiltaqgħu magħha mela allura hi toħroġ minn wara l-liżar.” “Bħal-Lazzru mela din” qalet Doris spontanjament. Iżda ħadd ma semagħha għax eżatt kif fetħet ħalqha l-istudjow infaqa’ bil-mużika tgħajjat, mużika senswali li ġġiegħlek taħseb f’affarijiet pastażi. Inxtegħel dawl qawwi minn wara liżar li kienu tellgħu 2 minuti qabel u hemm, quddiemhom, kien hemm figura ta’ mara. Doris u Nina baqgħu jħarsu lejha. Ma setgħux jifhmu kif din il-mara setgħet tiġi minnhom. Din il-mara kienet qed isserraħ fuq stikka bħal qisha xabla, xagħarha jidher twil, żnella aktar minn Doris u bdiet tiċċaqlaq qisha xi ...... Nina bdiet tbiddel il-kuluri u Doris iċċaqlaq rasha b’sinjal ta’ diżapprovazzjoni. Rachel indunat bl-iskumdità tagħhom u għalhekk intervjeniet.

Tbaxxiet il-mużika u għamlet introduzzjoni ta’ din il-persuna misterjuża. “Nina u Doris, il-persuna li qed taraw wara l-liżar hi Sophie la Bouche.” “Sofì xiex? Buxx?” staqsiet Nina minnufih. Rachel injoratha u kompliet, “Sophie la Bouche tiġi minnkom....kuġini mill-bogħod. Aħna għamilna riċerka estensiva u sibna li vera. Għandkom tkunu kburin ukoll għax Sophie tiġi wkoll mill-bogħod minn Napuljun..” “Dak li serqilna x-xabla ta’ La Valette!” qabżet pronta pronta Doris. “Iva Doris għandek raġun, iżda Sophie ddeċidiet li toħroġ il-verità kollha li ilha moħbija minn ġenerazzjoni għall-oħra. Tant tixtieq tiltaqa’ magħkom li qaltilna li lesta tiżvela sigriet kbir....ix-xabla ta’ La Valette mhix vera qiegħda fil-Louvre...dik hija kopja tagħha. Ix-xabla oriġinali qiegħda għand Sophie. Lesta li tippreżentaha lill-ministru tal-kultura jekk intom, Nina u Doris, tkunu lesti li tilqgħuha b’dirgħajkom miftuħin u tqattgħu l-Milied flimkien.” Nina bdiet toqmos għax ma kien jinteressaha xejn mix-xabla ta’ La Valette. “Ukoll....se toqgħod tobbligani ma’ min irrid inqatta’ l-Milied tiegħi! Jien lil Sofì il-Buxx ma nafhiex. X’garanzija għandi li din tiġi minna? Ħa tagħmlilna xi eżami tad-DNA?” Rachel indunat bis-sitwazzjoni prekarja. “Iva, jien lesta li nagħmlilkom dan it-test b’xejn” weġbitha. “Ovvja li b’xejn Rachel ħi...mhux aħna tlabna biex niġu fuq il-programm tiegħek u mhux aħna nixtiequ niltaqgħu ma’ din il-buxx u mhux aħna nixtieq nqattgħu l-Milied magħha u aħna ma jinteressaniex fejn tispiċċa x-xabla” tmasħnet Nina. Doris tatha daqqa bil-minkeb, “le mix-xabla interessati...dak wirt storiku tagħna l-Maltin u għandna dmir li naraw x’nistgħu nagħmlu biex din ix-xabla titqiegħed f’mużew f’Malta fejn ikunu jistgħu jgawduha l-Maltin u l-Għawdxin kollha!”. “Prosit Doris...kemm taf xi tgħid. U tant hu hekk li magħna llum għandna l-Ministru tal-Kultura, Sinu Zammit.....Nilqgħuh sinjuri b’ċapċipa kbira!!!” u reġgħet telqet is-sigla tal-programm :

Kont għaddej bi kwieti
Ma tajt fastidju ‘l ħadd
Int ħarist u għedtli
Tista’ Tkun Int

U minn wara l-bieb tal-ħadid tfaċċa l-ministru. Wasal ħdejhom u ħa b’idejn Nina u Doris. “Rachel, l-ewwelnett grazzi talli stedintni fuq il-programm. Inħossni onorat. Żgur li l-Maltin u l-Għawdxin kollha qed jitgħallmu ħafna valuri mill-programm tiegħek. Dak hu li aħna rridu bħala l-mexxejja ta’ dan il-pajjiż kulturat u emanċipat. Iżda fuq kollox, ippermettili Rachel ngħid, li dawn iż-żewġ nisa, Doris u Nina, illum huma l-eroj ta’ Malta kollha. Jekk jaċċettaw li jilqgħu lil Sophie la Bouche bħala l-kuġina tagħhom, il-ġest tagħhom ser jiswa mhux lilhom biss għax ikun ingħaqdu mal-kuġina tagħhom wara tant u tant żmien, iżda ser ikunu reġgħu rregalaw lil Malta, ix-xabla, li bi dritt hija tal-Maltin. Aħna nittamaw li Doris u Nina jieħdu dan il-pass. Persważi li se jagħmlu hekk.”

Iċ-ċapċip ta’ l-udjenza tarrax lil Doris u lil Nina. Meta raw lill-ministru u meta semgħu dak li qal f’qalbhom ħassewhom onorati. Għalhekk iddeċidew li japprovaw u jilqgħu lil Sofì l-Buxx fi ħdanhom. U hekk reġgħet telqet is-sigla ta’ Tista’ Tkun Int....u minn wara l-liżar tfaċċat Sofì xxejjer ix-xabla fl-arja kollha rubini u ġojjelli u tersaq biha lejn Fransinu qisha kavalliera lest għall-ġlieda fuq is-sur ta’ Sant’Iermu. Kif lemħet lil Doris u lil Nina waddbet ix-xabla lill-ministru u dan laqagħha bi tbatija kbira. Għal daqsxejn ma nifditlux rasu. U Sophie taret għal fuq Nina u Doris u t-tlieta flimkien bdew jitgħannqu u jibku b’għajnejhom magħluqin filwaqt li l-kamera ddur magħhom kontinwament u ġġibhom minn angoli differenti. Fransinu jċapċap u jżomm ix-xabla taħt idejh u Rachel titbissem.

“Rachel, ippermettili ngħid din ta’ l-aħħar,” qal il-ministru. “Wara dan il-ġest nobbli ta’ Doris u ta’ Nina, għandi sorpiża oħra għalihom, sorpriża li se tissupera s-sorpriża li tajthom int Rachel. Doris, Nina, nixtieq ninfurmakom, li s-sena li ġejja intom se tkunu ppremjati mill-President ta’ Malta bl-għoti ta’ medalja kull wieħed għall-qadi tar-Repubblika. Il-President bħalissa qed isegwi l-programm u bagħatli messaġġ dirett u stedinkom biex tmorru l-palazz ta’ San Anton u jkollkom laqgħa privata miegħu issa stess wara l-programm.”

Nina u Doris iltaqgħu mal-kuġina Sophie la Bouche, kellhom iqattgħu l-Milied magħha, jirċievu l-mertu għall-qadi tar-Repubblika u jiltaqgħu privatament mal-President. X’riedu aktar minn hekk?!

Saturday, December 8, 2007

Stedina Speċjali

Il-Ħamis, it-tmienja u nofs ta’ filgħodu. Doris għadha lluppjata fis-sodda. Tinkwetax...dakinhar ma kinitx xogħol. Il-lejl ta’ qabel daħlet fit-tlieta ta’ filgħodu u baqgħet dieħla dritt fil-kamra tal-banju. Daħlet fis-sodda kwarta wara, imdamdma bħal murtal splodut iżda kuntenta li s-serata ma’ Rafel kienet suċċess. Kif meddet rasha fuq l-imħadda għajnejha ngħalqu mill-ewwel u ntilfet fil-ħolm ipprojbit. Semgħet il-mowbajl idoqq fis-sitta, imma idha, imdorrija bir-rutina tax-xogħol, ħalliet lil Doris rieqda u tfietu hi. Baqgħet rieqda. Sagħtejn wara, iddoqq il-qanpiena tal-bieb ta’ barra.

* * *

Il-Ħamis, is-6 ta’ filgħodu. L-arloġġ ta’ Nina jdoqq ukoll. Sa dak il-ħin Nina kienet għaddejja fir-raqda profonda tagħha, tonħor inħir indimonjat. Tieħu nifs profond minn imneħirha, jinstema’ ħoss bħas-serrar ta’ xi siġra fil-ġungla ta’ l-Amażonja, il-ħoss jieqaf għal sekonda jew tnejn u mbagħad joħroġ b’aktar qawwa mill-ħalq miftuħ tagħha. Is-sodda tidher li qed titriegħed u l-arloġġ wieqaf fuq il-komodina jkollu jibqa’ mqajjem il-lejl kollu jistenna s-sitta jdoqqu biex iqajjimha minn dik l-opra li ssir ta’ kull lejl. TIT TIT...TIT TIT...TIT TIT TIT... Nina għadha rieqda. L-inħir huwa aktar b’saħħtu donnu qiegħed f’kompetizzjoni ma’ l-arloġġ. Dan ta’ l-aħħar jiddejjaq u jiddeċiedi li jogħla fil-volum u jirbaħ lil dawn il-ħsejjes strambi ħirġin minn qiegħ Nina. TIT TIT...TIT TIT...TIT TIT TIT... Nina tħarrek rasha, tidher li qed tiddejjaq, u tgemgem tnejn minn taħt l-ilsien. Iddur fuq ix-xellug waqt li l-arloġġ ikompli jsemma’ leħnu, issa xi ftit imbeżża’ li se jaqla’ xi daqqa żull minn nofs. Il-wiċċ mgħaffeġ ta’ Nina ma’ l-imħadda jidher ibiddel surtu...wiċċ ta’ skumdità...ta’ rabja...sakemm f’daqqa jinfetħu għajnejha. Tħares ċass lejn l-arloġġ, tipprova tirrikonoxxi x’inhu jiġri madwarha. L-arloġġ jiddispjaċieh fl-irwol li dejjem ikollu jagħmel ta’ kull filgħodu, u issa jaf x’kien imiss. Nina tonfoħ waħda kbira, toħroġ idha minn taħt il-friex, tgħolliha ‘l fuq u b’saħħa liema bħalha tniżżilha fuq ras l-arloġġ...Skiet!

“Issa nagħmillek TIT TIT TIT lilek! Ma tafx li llum m’għandniex skola?!” qalet Nina tħares lejn l-arloġġ. Kellha ħabta titkellem anke ma’ l-oġġetti li jakkumpanjawha f’darha fil-ħajja ta’ kuljum. Ir-raġel kien ilu nofs siegħa li telaq għax-xogħol u l-gost u l-pjaċir tagħha dejjem kien ikun li torqod dik in-nofs siegħa żejda. Imma din id-darba nesiet titfi l-iżveljarin u kien qajjimha bħas-soltu. Issa n-ngħas kien tarilha u ftakret x’kienet rat il-lejl ta’ qabel meta kienu l-kafetterija ta’ Mater Dei. Doris bid-dublett mas-sagristan! Hekk jonqos issa wkoll. . . Imbasta bid-dekor u x’naf jien! Issa kieku jsir jaf il-kappillan?! U fejn marru wara l-kafetterija? U kemm telqu jiġru ‘l barra ... kemm kemm sellmulha! Dawn il-ħsibijiet reġgħu ġabu lil Nina f’sensiha. Għolliet il-friex minn fuqha u ħarġet tiġri minn ġos-sodda. Il-kesħa li kien hemm fil-kamra ma rnexxilhiex tinfiltra l-piġama ħoxna ta’ Nina. Kienet taf titgezzez sewwa. Il-piġama tan-ngħaġ. Hekk kienet issejħilha Nina u l-bokka li kellha biha kienet tagħlaq ħalq ir-raġel kull darba li jkun se jissuġġerilha biex tilbes xi ħaġa aktar ħafifa.

Libset f’kemm trodd salib, għamlet xagħarha, niżlet isfel u ħejjiet il-kollazzjon. Kif tista’ tibda l-ġurnata mingħajr ma tiekol xi ħaġa?! Il-bezzun kien qiegħed jistennieha bil-ħerqa flimkien ma’ bowl sirjil u magg mimli te karg. Qabel dan il-kollazzjoni lil Nina tkellimhiex. Wara iva. Hekk kif poġġiet mal-mejda, qabdet il-bezzun bejn idejha, fetħet ħalq daqsiex qisu l-bokka tal-mina li tagħti għal Paceville, u l-bezzun daħal fih....iddoqq il-qanpiena tal-bieb.

Għajnejn Nina rvillaw. Min ġie dal-ħin? Il-bezzun reġa’ sab ruħu fuq il-platt jirringrazzja lill-Mulej li kien għad baqagħlu ftit aktar ħin jikkontempla fuq id-destin kiefer tiegħu u Nina marret tfekren lejn il-bieb. Kif fetħitu d-dawl għammxilha għajnejha u ma setgħetx tara sew ħlief profil ta’ raġel b’wiċċ familjari jittawwal ‘il ġewwa b’ċerta fittaġni. “Bonġu ... Colin jien ta’ Tista’ Tkun Int. Int is-sinjura Nina Cacciattolo Demajo?” Kif semgħet Tista’ Tkun Int tħawdet. Din xi ċajta għodu għodu? Iżda malajr indunat li kienet realtà meta rat il-kameraman wara dan ir-raġel...u iva dan kien Colin...marelli kemm hu aktar ħelu wiċċ imb’wiċċ! F’daqqa waħda telgħetilha fawra f’ħaddejha u bdiet tħoss widnejha jnemnmu bil-mistħija meta bdiet tħoss il-butir tal-bezzun ma’ xufftejha. Ma setgħetx tgħolli idha u timsħu għax kienet turi quddiem kulħadd li kellha ħalqha maħmuġ. Il-bozza ħamra tixgħel u titfi fuq il-kamera kien sinjal ċar li bħalissa kien qed jiġbdilha kull mossa li kienet ser tagħmel. “Iva iva jien Nina Cacciatolo Demajo,” wieġbet b’leħen artab differenti ħafna minn tas-soltu. “Qisna ħsadnik Nina...ma jimpurtax ngħajjattlek Nina hux?” “Le le lanqas xejn ... ma tarax,” reġa’ nstema’ l-leħen artab bħall-butir li kien qed jinħall ma’ xufftejha. “Jimporta nidħlu ġewwa ħa nkellmuk ftit?” U Colin flimkien mal-kameraman spiċċaw fis-salott imżejjen lest għall-Milied ta’ Nina. Din laħqet mesħet malajr ħalqha u qagħdet fin-nofs tas-salott imżejjen. Il-kameraman reġa’ beda jiġbed u eżatt wara ras Nina kien hemm il-father christmas bi tbissima kbira, jxejjer kull 5 sekondi!

Mitt elf ħsieb kienu għaddejjin f’moħħ Nina dak il-ħin. Għalfejn ġew ta’ Tista’ Tkun Int? Se jibagħtuni l-Awstralja? Ilmarelli ...vaganza b’xejn neħodha kieku! “Nina, hawnhekk għandi envelowp għalik, u jien qed intihulek f’isem Rachel. Nimmaġina li int tarah il-programm tagħna..” tefagħhielha bil-ħlewwa Colin. “iiiii u żgur Colin ħi....lanqas niċċaqlaq minn quddiem it-televixin il-Ħamis filgħaxija. Programm bomba kif jgħidu!” Nina kienet ħadet il-qagħda u aktar milli tħares lejn Colin kienet qed tħares lejn il-kamera u titbissmilha...timmaġina lill-Mostin kollha jagħrfuha u jgħidu li dik kienet Nina li tgħin lill-kappillan. “Nina għandek stedina biex illejla tiġi l-istudjow u titkellem ma’ Rachel. Taċċetta?” Nina waqfet ftit. Ma riditx turi l-entużjażmu tagħha. Riedet tħalli suspans. Ħarset ftit lejn Colin, teptpitlu għajnejha bħal donnha ma tafx x’se taqbad tirrispondi. Iżda f’qalbha u f’moħħha kienet ċerta. Kienet waslet okkażjoni oħra biex terġa’ toħroġ il-foxy mill-gwardarobba u turih lil kulħadd. “Iv....iva Colin naċċetta...avolja jien taf kemm nistħi hux?” qaltlu b’vuċi sottili filwaqt li kixfet snienha kollha bit-tbissima li tatu. “U le Nina m’għandex għalfejn. Tista’ Tkun Int huwa bħal familja tal-Maltin kollha u aħna nilqgħuk magħna bi pjaċir kbir. Se ngħaddu għalik fis-sitta b’taksi minn John’s Gerexx....u issa se nħallik Nina. Xi tgħidli qabel ma nitlaq?” staqsieha Colin. Kien ċert li ladarba Nina kienet issegwi l-programm din kienet taf kif għandha tirrispondi. “eh x’naqbad ngħidlek Colin ħi....tenkju ħi....e e e “ Colin ta ħarsa insodisfatta u l-bozza tteptep tal-kamera kienet qed tqabbadha ftit ta’ l-eċċitament x’ħin irrealizzat li ma weġbitx tajjeb. “iva iva....Nista’ Nkun Jien!”

* * *

Kienet għadha llupjata fis-sodda. Il-pjaċir li kien ta Rafel il-lejl kien daħħalha f’ngħasa twila u profonda. Kienet taf li kellha tqum imma ġisimha kien iebes ġebla. Bdiet tħoss ċertu wġigħ f’daharha u ma’ ġisimha kollu. Qisu qtugħ ta’ laħam wara xi ġirja mhux tas-soltu. U allura ħalliet lil ġisimha jirbaħ lil moħħha u baqgħet imweħħla hemm. Iżda xħin semgħet il-qanpiena ddoqq fetħet għajnejha. Ħarset lejn l-arloġġ u rat li kienu t-tmienja u nofs. Ilmarelli bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha....min kien dal-ħin? Tgħidlix li ġiet Nina s’hawn! Kemm hi kurjuża! Min jaf x’ġej...kemm trid tkun taf kif u x’fatta u come!!! Il-qanpiena kienet insistenti. Jew forsi Rafel...ġie dalgħodu wkoll...jixtieq li nkomplu...nitkellmu u nsiru nafu aktar lil xulxin bħalma għamilna lbieraħ. Il-qanpiena reġgħet instemgħet. Qatgħet qalbha. Kellha tqum, tinżel isfel u tiftaħ il-bieb. Kif bexxqet il-bieb rat żewġ persuni quddiemha. Id-dawl ta’ barra għammxilha għajnejha. Wieħed minnhom kien qed iżomm mikrofnu u wiċċu kien familjari wkoll. “Bonġu...Colin jien ta’ Tista’ Tkun Int. Int is-sinjorina Doris Psaila Vassalli?”. Kif semgħet hekk tħawdet u ma kinitx taf x’se taqbad tagħmel. Il-qtugħ ta’ laħam li reġgħet ħasset fakkarha li kienet għadha liebsa n-nightie ħafifa u wiċċa sar vampa nar. Il-ħsibijiet bdew jattakkawlha kull kantuniera ta’ moħħha. Din xi ċajta? Għaliex minn tant għodwiet kellhom jagħżlu proprju dakinhar? Id-dawl iteptep tal-kamera li kienet wara Colin kienet qed tindika li dak il-ħin kienu qed jiġbduha u Doris ħassitha se jtiha xi mejt. Ma felħitx aktar. F’qalbha bdiet tħossha ħatja. Dik il-kamera kienet donnha s-sentenza ta’ kundanna għal dak li ġara l-lejl ta’ qabel. Araw kif inhi Doris....baqgħet rieqda....tidher stumblata....ilbieraħ ħarġet mas-sagristan....żammitu d-dekor? Dawn il-ħsibijiet bdew jitilfu lil Doris mill-konċentrazzjoni. Iżda mbagħad għamlet il-qalb. Talbet lil Colin jitfi dik il-kamera u jtiha ċans tmur tbiddel għax ma kinitx tajba għal quddiem in-nies. Colin aċċetta u talabha jidħlu ġewwa sakemm jistennewha tirranġa lilha nfisha. Telgħet fuq b’ġirja, libset u f’temp ta’ żewġ sekondi reġgħet kienet ħdejh. Talabha jġib almenu l-mument li fetħitlu l-bieb għax inkella l-filmat ma jkunx komplut u wegħedha li jġibilha wiċċha biss. Hi aċċettat.

“Ħa nerġgħu nibdew niġbdu Doris, tajjeb għalik?” staqsieha Colin bil-ħlewwa. Induna li ma’ din il-mara mhemmx ċajt. F’daqqa waħda Doris bdiet taħseb għalxiex setgħu bagħtu għaliha fuq dan il-programm li ssegwih Malta kollha. Tgħid Rafel kien se jagħmillha xi proposta? Le kmieni wisq. Jew forsi Nina? Tixtieq tirringrazzjaha tant kemm tagħmel magħha? Jew forsi z-zijiet tal-Kanada? Se jeħduha tarahom? Rolling....action...”Doris, bħalma taf bagħtitni Rachel għandek. Qed intik dan l-envelowp f’isimha bi stedina speċjali għal fuq il-programm tagħha. Taċċetta din l-istedina?” staqsieha bil-leħen irpużat li kien juża meta jkun quddiem il-kamera. “Doris, ħassitha mgerfxa. Il-ħarsa ta’ Colin f’għajnejha bħal weħlitha fuq is-sufan. Għajnejh kienu isbaħ minn ta’ Rafel u l-ħlewwa tiegħu ħallha. Imma mbagħad rat il-kamera fl-isfond u ġiet f’tagħha. Ma kinitx tħobb tidher u l-kameras idejquha. Kienet tiddejjaq tkun fiċ-ċentru ta’ l-attenzjoni u dawn l-affarijiet tevitahom. Baqgħet siekta u Colin induna bl-iskumdità tagħha. “M’għandekx kurżità? Xi ħadd irid jiltaqa’ miegħek u nista’ niggarantilek li mhux se jiddispjaċik,” kompla jinsisti Colin. “Iva iva naċċetta,” qaltlu b’nofs qalb Doris. “Mela allura xi tgħidli qabel nitlaq, Doris?” Baqgħet tħares lejh. Xi tridha tgħidlu aktar? Kemm hu fitt! Kellha aptit tgħidlu biex jitilqilha ‘l barra minnufih iżda ma setgħetx bil-bozza ħamra tteptep quddiemha. “x’naqbad ngħidlek Colin?” staqsietu bil-ħatfa. “ħeq Doris, kulħadd jista’ jmissu xi darba hux..”weġibha. “Imissu xiex?” weġbitu ħamra ħamra. Reġgħet ftakret f’Rafel. Marija santa din xi waħda minn tiegħu....se jipproponilha....reġa’ beda jdurilha...u Colin induna. “Mhux tista’ tkun int Doris?” “e sewwa fhimtek ....Nista’ Nkun jien Colin!”


Wednesday, November 28, 2007

Għand id-dentist fil-waiting area
Bil-qiegħda, kwieta, imbeżżgħa u serja
Ir-rima li issa saret frekwenti
bdejt inqabbel fuq koċċ delinkwenti

La Marchesina, Buxx u Whore-si
Ilissnu l-istess kliem comme ca, cosi
Aħjar li kieku l-Malti jużaw
Għall-inqas jistgħu jippruvaw

Għax ħa ngħiduha kif inhi
Jekk bl-Ingliż nithaddet aħjar for me
Għax is-s...... ............. kont immur
u lsieni bil-Malti ma tantx idur

Iz-zija Doris helpful f'dil-kriżi
Tagħtini n-noti tal-poeżiji
Id-dar naqrahom bit-tifel ħdejja
Issa tafu l-muża mnejn ġejja

Fin-numri Nina indispensabbli
Meta s-soluzzjoni lili taħrabli
Malajr tgħidli what to press
Bil-calculator kollox permess

Twila w sabiħa miniex bħal Solli
Iżda blonde moments qatt ma jkolli
Il-karozza naf nimlieha
U petrol naf kemm hemm ġo fiha

Il-bieb tad-dentist infetaħ ftit
Nispera ma nispiċċax b'false teeth
Ta' l-aħħar ngħid ghax erġajt ħosbiena
JIEN BLA JEANS NISPIĊĊ'GĦARWIENA
!!!!!

Sunday, November 25, 2007

GĦAJN X'TAJN JERĠA' JIDHER

Kapitlu erbgħa għoġobni mhux ftit
Imma ġimgħa wisq twila for it to complete,
Għax b'kurzità kbira rrid naf kif tispiċċa
Tgħid ġara xi ħaġa, tisħon il-biċċa?

U moħħi mħawwad m'għadnix naħseb ċar
Is-sagristan x'għamel ma' Doris fil-car?
Għiduli x'ġara, nkun naf irrid
Tgħid ħareġ l-ingravata on the back seat?

U Doris tgħid x'għamlet, lagħbitlu waħda bil-goff
U qaltlu - "le he... darb'oħra biċ-ċoff!"
Għax dik ma trid xejn biex jaqbadha panic
Jew tgħid il-karozza spiċċat bħal titanic?

Saturday, November 24, 2007

Doris u s-Sagristan

Idejh imqabbdin ma’ l-istering ħasshom ibsin wisq. Xtaq li kieku jirrilassa ftit u juri kemm jaf ikun cool biex forsi jattiralha l-attenzjoni. Għajnejh iħarsu dritti lejn it-triq ta’ quddiemu kienu mlebilba biex jagħtu daqqa t’għajn lejn il-ġenb u jaralha wiċċha. Iżda m’azzardax. Beża’ li kif idawwar ħarstu jsib għajnejn Doris f’tiegħu u jitħawwad u jitfixkel u ma jmurx jispiċċaw bla ħsieb l-emerġenza tal-Mater Dei u jżanżnuh flimkien. Insomma, lanqas ma kienet tkun idea ħażina, beda jhewden bejnu u bejn ruħu. Imma mbagħad ikun ħa timbru ta’ xi wieħed perikoluż fis-sewqan u hu ma riedx hekk. Ried juriha kemm hu tal-galbu u għalhekk, l-aħjar li jsuq bil-mod, dejjem bil-mod u jiggwadanja żewġ minuti oħra magħha. U hekk baqa’ jħares ’il quddiem. Il-mużika fuq Radio Magic kienet qed toħloq l-atmosfera adatta għal dak li kellu f’moħħu u Rafel is-sagristan kien qed jagħmel il-qalb. ...”My life is brilliant/My love is pure/I saw an angel/Of that I’m sure....You’re beautiful/you’re beautiful...” Ilmarija, qal f’qalbu. Ejja Rafel ħu x-xoqqa f’moxtha u agħmel l-ewwel pass...ejja baħnan!. Kellu jdur fi triq lejn in-naħa tax-xellug; naqqas l-ispid; xegħel l-indikatur u dawwar l-istering lejn in-naħa ta’ Doris. Hu u jdawwar l-istering, dawwar rasu wkoll u ra lil Doris. Din kienet mitlufa tħares lejn il-bukkett frisk li kienet qabdet fit-tieġ.
F’għajnejn Rafel, il-vjaġġ kien qasir wisq għax f’ħakka t’għajn kienu waslu quddiem il-bieb tad-dar tagħha. Ħares lejha, qaħqaħ tnejn u Doris ħarset lejh. Qaltlu : “Kemm huma sbieħ dawn il-fjuri hux? Issa nagħmilhom quddiem l-inkwatru tal-Madonna.” “Sewwa tagħmel Dor, tassew mara bil-għaqal u tal-ġabra int.” Weġibha bi ħlewwa liema bħalha. “Hekk taħseb Rejf?” staqsietu. Il-mod kif kienet issejjaħlu kienet tħollu. Qatt ma kien għoġbu ismu. Dejjem ħassu Maltiċizzat żżejjed. Missieru kien semmih għal nannuh u kemm-il darba kien se jmur jitla’ l-qorti biex ibiddlu. Iżda minn mindu Doris bdiet issejjaħlu bil-mod tagħha, iddeċieda li b’ismu kien għamel akkwist. “U dażgur li int mara bil-għaqal, dejjem il-knisja, torganizza laqgħat għaż-żgħażagħ...tgħin lill-kappillan fl-uffiċċju u fejn naf jien...mhux bil-għaqal trid tkun? Anzi ħa ngħidlek...jien nitħassrek dejjem għaddejja tafx. Kultant waqfa tagħmillek tajjeb...l-arja tagħmillek tajjeb.” Beda jibża’ li lsienu ġera bih iżżejjed. Forsi tinduna li qed jipprova jidħollha fin fin. “u le...jien imbagħad filgħaxija tini ktieb u tgħidx kemm nistrieħ Rejf.”

* * *
Bilqiegħda fil-karozza ta’ Rafel is-sagristan, Doris kienet medhija tħares lejn il-bukkett. Fil-verità ma kinitx taf x’se taqbad tagħmel. Bdiet tħoss li s-sagristan kien qed isuq bil-mod wisq. Donnu l-għaxqa tiegħu jieħu kollox bil-kalma bħal meta jdur bis-sasla jiġbor il-flus. Aħjar wassal lilha l-ewwel u mbagħad wassal lil Nina, dik ilsienha ma jieqaf qatt u żgur li kienet issib xi tgħidlu. Ħarset quddiemha lejn it-triq u minn taħt ħarset lejn Rafel. Kien qisu qed isuq għall-ewwel darba. B’idejh iggranfati ma’ l-istering, ix-xedaq isserrat u għajnejh imqabbżin. U mbagħad il-fatt li beda jsuq bil-mod beda jqabbadha attakk nervuż. Kienet se taħbat tħossha tiddardar u għalhekk iffukat aktar lejn il-bukkett biex ma tagħti kas ta’ xejn. Aħjar ċemplet lil Ċalì u kien jiġi għaliha hu. Iżda ftakret fil-ġlieda tbaqbaq li kellhom meta rrappurtat ix-xufier tal-linja. Dawn it-tnejn kellhom relazzjoni ta’ mħabba/mibegħda. Filli jaġixxu daqs l-aqwa ħbieb u filli jiġġieldu qishom kelb u qattus. Meta qaltlu b’li ġralhom dakinhar ta’ Marsaxlokk, qallha li hi insensittiva u qallha li ma tifhimx fil-bżonn tax-xufier Malti li jiżvoga bi kliem imżewwaq wara ġurnata mkaħħal ma’ l-istering. Tgħid Rafel ukoll iħobb iżewwaqha? Iżda ħsibijietha reġgħu marru f’Ċalì, f’meta kienet għadha fil-fjur ta’ ħajjitha u kienet iltaqgħet ma’ Ċalì f’tal-linja hi u sejra lejn il-Mellieħa; kif kien qabad magħha u kemm kienet inħallet f’dawk l-għajnejn blu minn wara n-nuċċali u l-leħja ta’ erbat ijiem li kienet tagħmlu jidher wieħed salvaġġ. Ftakret x’kienet għamlitilha ommha meta saret taf li qed titħallat ma’ nies mhux tal-qatgħa tagħhom u hi aktar sfidatha. Kemm kienu ġrew f’dik il-karozzi tal-linja se taqa’ biċċiet. Hu wara l-istering kbir u hi faċċata tiegħu, tiggustah aktar ma jagħfsilha u hu jieħu gost jaraha tiggustah waqt li hu jagħfas il-pedala tal-gass biex jara lil Doris tixxengel ‘l hawn u ‘l hemm ma’ kull dawra salvaġġa li kien idur. Perijodu li ntemm ħesrem wara li bdiet tistudja biex issir għalliema u rrealizzat kemm hu importanti d-dekor. Saret taf ukoll lil Nina u laqqgħetha mal-kappillan biex tibda tagħti sehemha fil-komunità. Imbagħad waqfet titla’ tal-linja. Iżda xorta baqgħet ħbieb ma’ Ċalì għalli jista’ jinqala’.

Tħares lejn il-bukkett, b’qalbha maqsuma, taħseb f’Ċalì, f’dak li kien u f’dak li m’għadux u tħares minn taħt lejn Rafel ma’ l-istering iggranfat. Xegħel l-indikatur, u dawwar għat-triq tagħha u f’qalbha qalet għall-erwieħ. Waqqaf eżatt quddiem il-bieb tagħha u Rafel dar iħares lejha. Ma kinitx taf x’se taqbad tgħid. “Kemm huma sbieħ dawn il-fjuri hux? Issa nagħmilhom quddiem l-inkwatru tal-Madonna.” “Sewwa tagħmel Dor, tassew mara bil-għaqal int.” Tbissmet f’qalbha u b’inkejja ħelwa qaltlu, “Hekk taħseb Rejf?” Ċaqlaq rasu ‘l hemm u ‘l hawn bi tbissima ħelwa fuq fommu. “U dażgur li int mara bil-għaqal, dejjem il-knisja, torganizza laqgħat għaż-żgħażagħ...tgħin lill-kappillan fl-uffiċċju u fejn naf x’jien...mhux bil-għaqal trid tkun? Anzi ħa ngħidlek...jien nitħassrek dejjem għaddejja tafx. Kultant waqfa tagħmillek tajjeb...l-arja tagħmillek tajjeb.” Kemm jaf xi jgħid dan Rafel! Kemm hu differenti minn Ċalì. Il-kuntrast bejn il-ħlewwa tas-sagristan mas-salvaġiżmu ta’ Ċalì beda jċaqlaqha. Iżda ma riditx tidħol f’xi basla oħra. “u le...jien imbagħad filgħaxija tini ktieb u tgħidx kemm nistrieħ Rejf.
* * *
Kien raha għall-ewwel darba l-knisja. Qatt ma kien innutaha qabel. Bħala sagristan kien jaf l-uċuħ kollha li jogħġobhom iżuru lill-Missier. Kien jaf il-postijiet favuriti tal-fidili kollha u anke l-ġurnata preferita. Kien hemm min jieħu gost jokkupa s-siġġu ta’ quddiemu biex iqiegħed il-basket jew il-ħendbeg jew anke xi berritta. Ix-xogħol tiegħu kien wieħed ta’ rutina. Xejn ġdid u dejjem l-istess. Kien sikwit jitlob lill-Ħabib tiegħu forsi jibgħatlu xi suġġett interessanti u hekk ikun jista’ jkabbar il-motivazzjoni lejn ix-xogħol. Iżda donnu ma riedx jaqlagħlu l-grazzja. Sakemm darba, jum fost l-oħrajn jisma’ xi storbju mill-bieb ta’ barra. Il-knisja kienet għadha vojta u Fredu x-xiħ kien qed jistenna biex jibda jgħid ir-rużarju minn fuq l-artal. Jgħidu waħdu fuq il-mikrofnu biex forsi tirrispondi xi xwejħa li tinzerta tasal kmieni. Iżda dakinhar ma kien għad m’hemm ħadd. U hekk kif Rafel sema’ l-istorbju ħabat se jiddejjaq u mar jimxi lejn il-bieb biex isikket u jfakkar li hemm id-dar ta’ Alla. Iżda hekk kif sab ruħu faċċata tal-bieb, jara żewġ figuri li fl-isfond tad-dawl ma setax jagħraf min huma. Żgur li kienu nisa, waħda itwal mill-oħra, waħda xagħarha qasir u l-oħra xagħarha twil u lixx. Il-mixja tat-twila kienet kunfidenti, anzi żżejjed, filwaqt li l-oħra kienet tidher aktar diskreta timxi u ssegwi lill-oħra. Kienu resqin lejn id-direzzjoni tiegħu u sakemm waslu ħdejh għajnejh kienu qagħdu sew u seta’ jara u jgawdi x-xena li kienet qed tiżvela quddiemu. “Il-kappillan hawn? Jien Nina li noqgħod bieb ma’ bieb oħt il-kappillan. Nixtiequ nkellmuh.” L-oħra qagħdet kwieta, tħares lejn Rafel u tistenna tweġiba. Rafel donnu weħel, ma jafx x’ser jaqbad jgħid. Donnu nesa li l-kappillan kien qiegħed fis-sagristija jħejji biex iqarar. “Iva iva mela...il-kappillan qiegħed fis-sagristija...tridu tiġu miegħi u neħodkom sa ħdejh.” It-tnejn imxew warajh u seta’ jħosshom isegwuh. Il-kappillan laqagħhom donnu kien qed jistenniehom. Is-sagristan tqanqal bil-kurżità u qagħad fil-bieb tas-sagristija taparsi qed inaddaf ix-xemgħat li kien hemm quddiem in-niċċa tad-Duluri. Ħares lejn id-Duluri u dak il-ħin beda jitlobha biex tibgħatlu xi anġlu mis-sema. Xi ħadd interessanti. Dejjem hekk kien jitlobha, ta’ kuljum x’ħin ikun qed inaddaf, jaqla’ u jbiddel ix-xemgħat. Il-kappillan dam jitkellem ma’ dawn iż-żewġ nisa, donnu kien qed jiftiehem xi ħaġa magħhom jew donnhom kienu qed jirrappurtawlu xi dnubiet li kienu raw iseħħu quddiem għajnejhom. Imbagħad telqu mill-bieb tas-sagristija fil-ġenb.

Minn dakinhar lil dawn iż-żewġ nisa beda jarahom kuljum. Sar jaf li jisimhom Nina u Doris. F’daqqa waħda kienet saret bidla fil-ħajja komunitarja tal-knisja għax dawn it-tnejn daħlu b’ruħhom u ġisimhom biex joffru s-servizzi voluntarji tagħhom. F’temp ta’ ġimgħa, lil Nina sar jafha kulħadd. Doris kienet aktar kwieta, aktar tal-ġabra, aktar ta’ l-affari tagħha. U darba, waqt li kien qed jillostra l-ħġieġa tan-niċċa tad-Duluri u jgħidilha kelma ġietu rivelazzjoni splożiva. Id-Duluri kienet qed tħares ’il fuq b’ħarsa muġugħa għall-aħħar u hu kien qed iħares ’il fuq lejha. Id-Duluri...Dolores...Doris. Baqa’ ċċassat bil-biċċa f’idu wieqfa mal-ħġieġa tan-niċċa. F’daqqa waħda ħass qalbu tħabbat u saqajh jirtogħdu. Id-Duluri kienet qatgħetlu xewqtu. Mill-għada filgħodu, il-ħeġġa biex iqum għax-xogħol irdupjat.

F’neqsin kwart kien jibda jiġbed il-ħabel u jdoqq għal tas-sitta. Kuljum fis-sitta neqsin ħamsa preċiż kien jaraha dieħla tlebbet ġol-knisja biex tilħaq il-post tas-soltu. Hi u dieħla kienet ittih ħarsa u hu, filwaqt li jkun tiela’ u nieżel mal-ħabel tal-qanpiena jitbissmilha u jsellmilha b’għajnejh. Dak kien l-aqwa kollazzjon spiritwali li qatt seta’ jieħu. Imbagħad kien jistenna bil-ħerqa biex joħroġ jiġbor. Hekk kif jibda jdur u jersaq lejn in-naħa tagħha jibda miexi aktar bil-mod biex ikun jista’ jgawdi l-veduta. L-ewwel minn wara, imbagħad profil mill-ġenb, iċekċkilha tnejn is-sasla biex juriha li wasal ħdejha u hi toħroġ idha u ddaħħalha bil-mod fis-sasla. Kultant hu kien taparsi jkun se jirranġa xi ħaġa fis-sasla u jolqotha bi żball u joħroġ “skużi” ħelwa u kwieta minn taħt l-ilsien. Hi titbissimlu u jagħmel il-qalb. Imbagħad jitlaq miexi jerġa’ bil-mod u jibda jimmaġina l-ħarsa ta’ Doris issegwih.

U Doris lis-sagristan kienet dratu wkoll. Kienet tarah kull filgħodu hi u dieħla l-knisja. Kienet taf li jismu Rafel u kienet tarah bħala ġuvni kwiet u tal-ġabra. Ma kellux għajnejn blu iżda l-ħarsa profonda tiegħu kienet issaħħarha. Kien iqabbadha sensazzjoni ta’ kalma kbira eżatt il-kontra ta’ Ċalì. Doris kienet torganizza laqgħat liż-żgħażagħ tar-raħal f’dar tal-knisja u Rafel kien ta’ kull darba kien joħroġ mis-sagristija biex jiftħilha u mbagħad wara biex jagħlqilha. U hekk dawn it-tnejn saru jafu lil xulxin.

* * *

Kienu għadhom qed iħarsu lejn xulxin, fil-karozza, jistennew lil xi ħadd minnhom jitkellem. Il-ħlewwa ta’ Rafel bdiet togħġob lil Doris u Rafel beda jinduna. “Trid immorru nieħdu kafè Doris?” staqsieha bil-mod. U Doris ħassitha tinħall. “Iva mela le Rejf, meta trid.” Ma ħasibx li se tkun daqshekk faċli. “Ngħaddi għalik għada wara l-quddies? Kif nagħlaq il-knisja nibqa’ ġej sparat hawn,” weġibha kollu ħeġġa, din id-darba mhux bil-mod. Doris ma qalgħetx għajnejha minn fuqu. Kienet ferħana li Rafel, jew aħjar Rejf kien se joħroġha fl-Anglia ħamra tiegħu.

Fis-sebgħa neqsin kwart u minuta Rafel kien qed jistenna wara l-bieb ta’ Doris. Reġa’ beda jħossu eċċitat u beda jipprova jikkalma lilu nnifsu. Min-naħa l-oħra Doris kienet quddiem il-mera, tara li kienet qiegħda sew, b’kollox f’postu, kollox issettjat u fwieħa li ttamat tidħollu fi mnifsejh u tħollu. Dakinhar iddeċidiet li tilbes dublett. Ħasset li hekk kien jixraq għall-okkażjoni. Ħalliet ħames minuti jgħaddu biex iġġiegħlu jistenna ftit u mbagħad fetħet il-bieb. Hekk kif raha, startja l-karozza u l-ħoss tal-magna kienet bħal donnha aktar irrejżjata mis-soltu. Daħlet fil-karozza u magħha daħlet riħa ta’ fwieħa li ġennet lil Rafel. Kienet tfuħ aktar mill-inċens li kien imdorri jxomm fil-knisja. Doris setgħet tinduna li Rafel kien ippreparat sewwa għall-ħarġa. Liebes aktar tal-lajf mis-soltu, bil-leħja mqaxxra u għajnejh ileqqu. “Għal fejn illejla Dor?” “Fejn trid Rejf ħi, ħudni fejn trid,” wieġbet Doris. Ix-xena ta’ Doris bid-dublett kienet ħawdet lis-sagristan aktar mill-fwieħa li daħlet fi mnifsejh. “Mela tlaqna għall-kafè kif wegħedtek u mbagħad naraw,” qalilha malajr malajr. Idejh reġa’ beda jħosshom jibbiesu. Ħass li Doris b’dak id-dublett kienet qed tipprovokah. Kull xħin kellu jbiddel il-gear kien jagħmel sforz biex ma jħarisx ’l isfel.

Rafel ried ikun differenti mis-soltu. Ried jieħu lil Doris f’kafetterija li żgur qatt ma marret fih. U hekk Doris u Rafel spiċċaw fil-kaffetterija tal-Mater Dei. Doris ħassitha kemxejn stramba u ratha kemxejn aktar stramba li dan is-sagristan kellu jeħodha proprju fil-kafetterija ta’ l-isptar. Iżda kif daħlu ġewwa baqgħet impressjonata. Ix-xeni li kienet rat fuq it-televixin dwar l-isptar, b’dik il-fetħa kbira kollha madum kbir u jleqq, il-gallarijiet ħodor tradizzjonali Maltin li kienu tant għal qalbha, kienu kollha vera. Setgħet tara r-rifless tagħhom fil-madum illustrat u ħadet pjaċir. Nies deħlin u ħerġin, Doris ħassitha bħal ruħ mitlufa. Iżda malajr ġiet f’tagħha hekk kif ħasset id iżżommha minn ġenbha u tmexxiha bil-ħlewwa lejn il-kafetterija li kien hemm fis-sala ta’ l-entratura tal-Mater Dei. Rafel kien gwida u kumpanija tajba.

Il-kumpanija ta’ Rafel u Doris waqfet ħesrem hekk kif raw lil Nina mar-raġel hemm. Nina tgħidx kif kienet iffissat fuq Mater Dei minkejja li Fredu fuq it-televixin ma tantx kien wera entużjażmu minħabba d-dejn. Dejjem għaddejja tgħid fuq l-istate of the art ta’ Mater Dei, u kemm hu sabiħ u kemm hu kbir u kemm hu modern u kemm hu lussuż u li lanqas riħa ta’ sptar m’għandu u li qisu l-ajruport u ma tiqafx. Waqfu ħdejhom u Nina mill-ewwel bdiet tberraq lejn id-dublett ta’ Doris. Qatt ma kienet ratha b’dublett u bdiet tissuspetta ħażin...u bdiet taħseb fid-dekor li tant jisħaqq il-kappillan. Stednithom jingħaqdu magħhom. Rafel ġab skuża u wera li xtaq joqgħod waħdu ma’ Doris. Nina kienet se taħbat iddendel il-geddum u Doris fakkritha li l-għada kienet se tgħaddi s’għandha biex ittiha l-qagħaq ta’ l-għasel li kienet għamlet u ladarba semmitilha l-ikel Nina reġgħet bdiet titbissem u qaltilhom biex imorru fis-sliema u jieħdu gost.

Wara li xorbu l-kafè u filwaqt li qagħdu jitħaddtu dwar l-attivitajiet komunitarji organizzati mill-kappillan, Rafel u Doris ma setgħux jaqilgħu għajnejhom minn fuq xulxin. Rafel jispjegalha kemm hemm qniepen fuq il-kampnar, minn fejn ġabuhom u kemm huma tqal u Doris tirrakkuntalu x’inhuma l-pjanijiet tal-laqgħat għaż-żgħażagħ. Għaddew sagħtejn u Rafel u Doris ħarġu mill-Mater Dei u reġgħu daħlu fil-karozza. “Immorru dawra?” staqsa Rafel. “Iva mela mmorru, nieħu gost indur.” Rafel startja l-Anglia u bi ftit skossi telqu ċlikki ċlikki lejn tas-Sliema. Baqa’ jsuq sakemm qabad it-triq tal-kosta f’Baħar iċ-Ċagħak. Ħin minnhom Rafel xegħel l-indikatur u dar fuq il-lemin lejn biċċa wesgħa li kienet tiġi eżatt ħdejn it-torri ta’ De Redin, faċċata tal-baħar. Il-qiegħa ma kienet lixxa xejn u l-Anglia bdiet tisforza biex tibqa’ dieħla ’l ġewwa. Fid-daqqa u l-ħin ir-rota tax-xellug weħlet ma’ ġebla kbira li kienet fin-nofs u li fid-dlam li kien hemm Rafel ma rahiex. Ħadu skoss qawwi u l-karozza waqfet zoptu. Doris inqatgħet minn ġewwa u minn fommha ħarġet għajta ta’ ħasda. Mhux tant bil-ħabta li ħadu imma bil-fatt li mad-daqqa, is-sit tagħha niżel f’daqqa lura u sabet ruħha wiċċha ’l fuq tħares lejn is-saqaf qadim ta’ l-Anglia.
Taħt qamar kwinta, ħdejn it-torri ta’ De Redin, f’Baħar iċ-Ċagħaq wieħed seta’ jara Anglia ħamra, bil-ħġieġ imtappnin u b’movimenti żgħar u żaqżiq tax-xokabsorbers li kienu jiksru s-satra tal-lejl.

Thursday, November 22, 2007

Id-Dilemma tal-Gwardjan

X'biċċa ġratli, x'waħda din,
Għandi nivvota jien fil-ħin,
Markesina, Xjenzat jew Solli,
Nagħżel waħda minn dawn se jkolli.

Solli s-safra l-boss tiegħi,
Irrid nagħmillha kumpliment,
Għax inkella wisq jien nibża',
Li twekkili xi poġġiment.

U x'ingħidu għall-Markesina,
Din Taljana daqsi u iktar,
Jien nixtieq il-ġita nrebbħilha
Biex tittrombja hi tkun tista'.

Fuq ix-xjenzat jien x'nista’ ngħid,
Li tirbaħ il-ġita bil-fors għandu jkun,
Għax peress li ser tiżżewweġ,
Din tużaha flok honeymoon.

X'biċċa ġratli, x'waħda din,
Kif ser nivvota jien fil-ħin?
Dina agħar minn elezzjoni,
U jien bqajt bla deċiżjoni!!!!!

Wednesday, November 21, 2007

Magħkom għall-ġita - mix-Xjenzat

Nina w Doris bħad-DI u DO
Daqqa bil-ferħ u l- Bijambò
U x'bużż fihom it-tnejn flimkien
Magħhom għall-ġita sejra jien

Dawn it-tnejn ħelwin u tal-ġenn
Xogħolhom jaghmluh sew u bl-impenn
Tista’ tgħid li popolari
Tnejn bħal dawn tassew li rari

Min jaf dil-ġita kif ser tkun
Nina w Doris jaqdfu, jien bit-tmun
Ejjew ħi u ibdew ħażżu
Ħalli jkollna biex nitqażżu

Jien persważa li għal magħkom
Ikel bnin jien ser nitmagħkom
lestu ruħkom ħa tixxalaw
wara, x-xoghol ser niffanfraw

Grazzi Doris Grazzi Nina
Tista’ tghid li qed nirfina
Ħaqqni premju fuq dil-biċċa
Iżda għalissa hawn ser nispiċċa.

Tuesday, November 20, 2007

Il-Pjan ta' Solli tal-Karti Sofor

Ilmarelli, x'waħda din,
Qed inħossni bid-deprexin
Għax f'din l-iskola tant remota,
Rajtin pojems is de faxin!

Il-ħin qed jagħfas, kulħadd lest,
Għal ġita sajfija għax għaddew it-test,
Tgħid jekk ngħidilhom li għandi pjan
Inkun nista' niġi 2 gojn de fun?

Jekk immorru sa San Pawl il-Baħar,
Għandi konnekxins biex niftaħar,
Nirranġalkom għal dgħajsa kbira,
Kollox bla ħlas, Doris ma tispiċċax fqira!

U wara dawra mal-gżira żgħira
Fuq baħar blu, nitpaxxew bl-arja,
Inlestilkom barbekju tal-ġenn,
Bil-fenek moqli u diskow minn ġo venn.

U jekk Nina titħajjar għal xi ftira,
Minn kollox inlesti, ħallu għalija,
Zalzett, bergers, ċips u tadam,
Lemm ser nixxalaw la jaqa' d-dlam!

Inlesti l-bozoz minn kull kulur,
Noħorġu l-ispejkers u ngħollu l-volum,
Nista' nirranġa mad-deejay Banana,
Biex ilkoll minn hemm nitilqu ferħana!

Mela għeżież Nina u Doris, x'taħsbu mill-pjan?
Agħmluli kuraġġ, hemm post għalija?
Nistenna li nisma' mill-Ħanex ma ndumx,
Għax sa dakinhar bis-sabar ma nkunx!

Solli tal-Karti Sofor

Tikteb il-Marchesina fuq it-Tieġ

Nina u Doris ġew mistednin
Waqt li kienu qed jaħslu l-ħġieġ
Nina b'ħeġġa liema bħalha
Lejn it-tieġ marret tixxala!

Doris akkanita ma tantx kienet
Għax tilbes pulit ma tantx riedet
Imma la darba Nina kienet tmur żgur
Kienet anke lesta tmur bil-mutur!

U t-tnejn irħewlha lejn il-festin
Biex jieklu ikel ħafna bnin
Bit-taksi jistenna wara l-bieb
Sakemm waslu f'sala kollha nies

Nina kielet mhux ħażin
U Doris nemmset tul il-ħin
Sakemm sagristan offra jiżfen
U t-tnejn aċċettaw sakemm is-serduq jidden

Iżda t-tieġ wasal fi tmiemu
U Doris il-bukkett qabditu fi ġmielu
is-sagristan wassalhom id-dar
Tgħid issa Doris ser tieħdu l-"ihhintjar"?

Monday, November 19, 2007

Fit-Tieġ tan-Neputija

Kien is-Sibt filgħodu, xemx tiżreġ f’sema blu sabiħ. Nina kienet id-dar tagħha, tillostra l-ħġieġ tal-gallarija, tixxabbat qisha kamaleonte b’għajnejn imżebbġin jaraw jilmħux xi traba mat-twieqi, filwaqt li Doris kienet id-dar tagħha (mhux ta’ Nina), fil-kamra tal-banju tillostra hi wkoll, il-madum tal-kamra tal-banju. Tagħfas u ddawwar u aktar ma tara l-madum ileqq u aktar ma tara r-rifless tagħha fil-madum aktar tħossha sodisfatta li għallinqas mhijiex qed taħli l-enerġija tagħha għalxejn. F’dak il-ħin il-pustier kien għaddej mit-triq ta’ Nina jqassam l-envelowps fil-kaxxi rispettivi tagħhom. Hekk kif Nina ratu, bdiet ixxejjirlu u tgħajjatlu biex tara għandux xi envelowp għaliha. Il-pustier ħares ‘il fuq u għal mument ħass dehxa ma’ ġismu kollu. Le ... ma kellux xi dehra mistika fl-isfond tax-xemx qawwija li bdiet tpeċpiċlu għajnejh, iżda ra t-tbissima kbira ta’ Nina, bil-biċċa f’idha u r-rollers ma’ xagħarha biex ikun issettjat għal filgħaxija. Il-biża’ li ħakmitu kienet kbira għax Nina kienet qiegħda fuq in-naħa ta’ barra tal-gallarija b’saqajha t-tnejn iserrħu fuq il-biċċa li toħroġ ‘il barra mit-twieqi, b’id waħda żżomm mal-koxxa tat-tieqa u fl-id l-oħra l-biċċa tiela’ u nieżla u xxejjer u titfarfar. Bid-dublett mgħolli ‘l fuq u mqabbad mal-ġenb tal-qalziet ta’ taħt biex tkun tista’ tiċċaqlaq aħjar u flokk qadim li min jaf kemm ra staġuni għaddejjin minn fuqu. L-għoqla li telgħet fi griżmejn il-pustier ma setgħetx titlaq u dan ħassu xxurtjat li induna biha fil-ħin għax li kieku Nina kellha tiżloq kienet tispiċċa eżatt fuqu u żgur li kien jispiċċa ħażin. “Mhux aħjar tidħol Nin, u tfarfar min-naħa ta’ ġewwa?” “Le mela Joe, xemx bħal din, kif tista’ ma tillostrax il-ħġieġ ta’ fuq?!” Il-pustier beda jipprova ma jħarisx iżżejjed ‘il fuq u biex jeħles malajr qallha, “Għandi envelowp għalik Nina” “Itfagħhuli tibżax, imbagħad ninżel u nara. Grazzi u l-ġurnata t-tajba!” “Lilek ukoll!” u telaq ilebbet ‘l hemm. Il-kurżità li tbati biha Nina ħalliet il-gallarija nofs leħja, u niżlet tiġri tara x’kien wasslilha l-pustier. Envelowp pulit b’kitba qisha minn dawk ta’ l-anġli. Ma felħitx toqgħod taħseb x’seta’ kien hemm ġo l-ittra. Fetħet l-envelowp dak il-ħin b’salvaġiżmu sfrenat u tiftaħ invit għal....tieġ...tan-neputija! Kemm ħassitha ferħana! Kienet għoddha nesietu. It-tiġijiet kienu jogħġbuha għal diversi raġunijiet. L-ewwelnett setgħet toqgħod tiddandan u turi x’aċċessorji għandha mistoħbija fil-kxaxen tal-gradenza; it-tieninett setgħet toqgħod tiekol kemm tiflaħ, u l-aħħar u mhux l-inqas tissoċjalizza u tara ftit fiex wasal f’ħajtu kull esseru li kien ikun hemm fis-sala. In-neputija ta’ Nina kienet se tiżżewweġ daqs tliet ġimgħat oħra u allura Nina ħasset li kellha żmien biżżejjed biex tipprepara.
Doris, kienet għadha kif lestiet il-kamra tal-banju, meta semgħet il-ħoss tal-bieba tal-kaxxi ta’ l-ittri tinfetaħ u tingħalaq f’daqqa. Doris ma tantx kienet imdorrija tirċievi ittri għax minn mindu daħħlet l-internet saret tirċievi u tibgħat kollox minn hemm. Għalhekk niżlet tiġri u fetħet il-kaxxa. Envelowp sabiħ u jleqq kien mitluq pulit fil-ġenb tal-kaxxa jħares lejha jistedinha biex taqbdu u tiftħu. Iżda qalb Doris għamlet tikk. Indunat li kien xi stedina għal xi tieġ, u t-tiġijiet kienu jdejquha. L-ewwelnett għax kellha tmur weħidha, għax miskina l-għarus tagħha kien għadu l-Awstralja u tilef il-biljett ta’ l-ajru; it-tieninett għax l-ikel tat-tiġijiet ma kien jogħġobha xejn u t-tielet għax l-ilbies stirat qisu kulħadd kien xi spalliera kien idejjaqha wkoll. Fetħet l-envelowp b’kalma kbira u ħarġet l-invit tan-neputija. Kienet għoddha nesietu. Kien għad baqgħalha tliet ġimgħat taħseb u tippjana.
L-għada l-Ħadd Nina u Doris iltaqgħu l-knisja għall-quddiesa tad-disgħa u nofs. Bejn talba u oħra Nina qaltilha li kienet mistiedna għal tieġ tan-neputija u Doris qaltilha li anke hi. Baqgħu jħarsu lejn xulxin jippruvaw jifhmu jekk kinux mistednin għall-istess tieġ. U iva hekk kien. Għax tinsiex li Nina u Doris kienu jiġu minn xulxin mill-bogħod u allura l-kumbinazzjonijiet ġabuhom għall-istess okkażjoni. Nina u Doris tgħidx kemm ferħu għax kellhom attività soċjali flimkien. Setgħu jiddiskutu x’ser jilbsu, it-trasport u anke r-rigal. Ir-raġel ta’ Nina inzerta kien ser ikun imsiefer u allura ddeċidew li jmorru flimkien. It-trasport ma kinitx problema għax peress li kienu tal-familja, kienet ser tintbagħtilhom taksi wara l-bieb. Biex jiffrankaw ftit flus lin-neputija ddeċidew li jużaw karozza waħda tal-kiri. L-ewwel jgħaddi għal Nina u mbagħad jibqa’ sejjer għal Doris.
Il-jum tant mistenni minn Nina wasal. Hekk kif daqqu d-disgħa u nofs karozza bajda minn dawk l-antiki dehret tistenna quddiem il-bieb. Ix-xufier paqpaq tnejn għax dakinhar kellu ħafna xogħol u ried jeħles dan il-vjaġġ malajr kemm jista’ jkun. Il-bieb ta’ barra nfetaħ bil-mod u minnu dehret ħierġa Nina qisha l-linfa l-kbira tal-knisja parrokkjali meta tkun mixgħula għall-festa. Il-parapett imxietu bil-mod, apposta, biex il-ġirien ikollhom ċans igawdu x-xena ta’ Nina liebsa pulit, imdandna bħal meta tmur għall-paniġierku tal-qaddisa favorita tagħha Santa Filomena. Libsa twila u tleqq kollha disinji qisha l-purtiera li għandu l-kappillan fis-sagristija, u Foxy li joqgħod komdu komdu minn wara għonqha għal fuq sidirha. Browċ tal-bużbużbużnanna li kien tahielha r-raġel tagħha Ninu bħala rigal (id-direttur ta’ l-Edukazzjoni). Fuq kollox kappell kbir li jgħattilha għajnejha, b’warda ħamra fil-ġenb fuq in-naħa tax-xellug li tfakkrek fl-elezzjoni li ġejja u fil-bidu ġdid tant mistenni minnha u żewġ ħamimiet żgħar fuq in-naħa tal-lemin li juru l-paċi u l-hena bħala l-awgurju ta’ Nina għall-koppja miżżewġa friska. Hekk kif daħlet fil-karozza, ix-xufier ħassu jistordi bir-riħa tal-kamla li daħlet magħha. Il-browċ għammxitlu għajnejh iżda wara żewġ minuti għaraf lill-klijenta tiegħu. “Bonġu Sinjura...int mhux li l-Ħadd li għadda mort Marsaxlokk, il-monti?” L-hena u l-paċi taż-żewġ ħamimiet taru mar-riħ, u wiċċ Nina beda jxoqq l-għaraq. “Tinkwetax Sinjura...jien naħdem part-time bħala xufier tat-taksi u llum qed inħossni onorat li se nwasslek sas-sala. Kien jippreferi r-riħa tal-boċċi tal-kamla milli tal-ħut! Mill-Mosta baqgħu sejrin għal Doris. Din ukoll kienet iddandnet sew. Kienet liebsa aktar ġovanili minn ħabibitha għax ladarba l-għarus ta’ l-Awstralja kien baqa’ l-art, kienet iddeċidiet li tibda tfittex xi mkien ieħor. Libsa twila tleqq, skullata minn fuq u b’qasma fil-ġenb li tibqa’ tiela’ ‘l fuq mhux ħażin u li f’mumenti żgħar jikxfu l-laħam ta’ sieq Doris. Nina baqgħet tħares lejha. “Issa kieku jarak il-kappillan taħseb li jieħu gost?!” Ix-xufier qabeż fin-nofs u qallha, “X’aħna tal-lajf Sinjura!” “L-ewwelnett sinjorina u t-tieni oqgħod kwiet għax telefonata lil Ċalì ta’ l-unjin u jwaħħalhielek! Ara taħseb li ma għaraftekx!” Ix-xufier iddeċieda li l-aħjar joqgħod kwiet għax il-part-time ma kienx irreġistrat u ma riedx jitilfu. Apparti li ma’ dawn iż-żewġ nisa ma kienx se jirbaħha malajr.
Wassalhom quddiem il-bieb tas-sala. Ħarġu mill-karozza bħal żewġ membri ta’ familja rjali. Kollox ileqq, kollox sabiħ u kollox issettjat. L-attendent tas-sala fetħilhom il-bieba u Nina, bl-armarju kollu tagħha, bdiet issibha diffiċli biex tinqala’ minn fuq is-sit tal-karozza. B’idejha tal-lemin iżżomm ma’ dahar is-sit ta’ quddiem u l-id ix-xellugija tferfer fl-arja qalet, “Doris mhux aħjar tiġi tgħinni?” Doris għamlet sinjal lill-attendent u dan, imsaħħar bi ġmielha obda mill-ewwel u offra driegħu lil Nina filwaqt li baqa’ jħares lejn ħabibtha. “Ejja ħi għax għandi vjaġġ ieħor!” qabeż ix-xufier. Iżda hekk kif Nina dawret wiċċha lejn dak il-ħanex ta’ xufier, għalaq ħalqu jiġri. Id-diffikultà tal-ħruġ ta’ Nina kienet ser tispiċċa diffikultà prekarja tiegħu.
Fil-bieb tas-sala laqgħuhom żewġ wejters li offrewlhom drink minn fuq it-trej. Nina ħadet tazza twila mimli likwidu aħmar, il-kulur favorit tagħha. Doris illimatat ruħha għal tazza twila b’likwidu trasparenti. Bdew mixjin fiċ-ċentru tas-sala, biex żgur jinnutahom kulħadd. Nina tgħolli id il-leminija ‘l fuq u ssellem kull min iħares lejhom anke jekk ma tafux u Doris tagħti daqqa bir-ras u titlob bil-ħniena li jaslu lejn l-eqreb kolonna biex ma jibqgħux jagħtu daqshekk fil-għajn. Iżda Nina kienet qed tieħu gost u kif rat lill-kappillan resqet lejh biex turih il-vetrina armata. “Orrajt sur kappillan? Kieku taf kemm jien eċċitata llum! Fejn taf...in-neputija ilni nafha minn mindu kienet bil-ħarqa u lanqas taf kif jgħaddi ż-żmien.” Il-kappillan ikun ser iwieġeb iżda Nina ma ttihx ċans. Doris tgħarrex b’għajnejha biex tara jekk hemmx xi suġġett interessanti għall-qabda filwaqt li għajnejn il-kappillan iħarsu minn taħt lejn Doris u jiskanta bit-trasformazzjoni tagħha. Nina tinduna b’għajnejn il-kappillan u tgħolli ftit leħinha biex jaqbdu l-attenzjoni tiegħu. “Bdejt inħoss qalbi tferfer meta rajtha fil-knisja bil-libsa tat-tieġ. Nibda niftakar meta kont jien hemm flokha...u int tberkilna ċ-ċrieket. Tiftakar Sur Kappillan?” “iva iva dażgur mela” “imma kif jgħaddi ż-żmien.” U hawn għajnejn Nina reġgħu bdew idemmgħu, eżatt kif bdiet tagħmel fil-knisja. Imbagħad bil-kalma kollha toħroġ maktur bajdani u tqiegħdu ma’ mneħirha u tagħmel ħoss bħas-silencer tax-xufier tat-taksi. Doris tagħtiha ħarsa kerha minn taħt u turiha li qed tiddejjaq bil-ħars tan-nies kollha lejhom.
Nina nesiet lill-kappillan eżatt kif rat wejter idur man-nies iqassam il-boats favoriti tagħha. Qabdet lil Doris minn dirgħajha u telqu n-naħa l-oħra viċin ta’ fejn kien hemm il-wejter. Bdiet tpespislu minn taħt sakemm qabditlu l-attenzjoni. Dak kif dawwar wiċċu u ra t-tbissima ta’ Nina ħa qatgħa. Iżda hekk kif lemaħ lil Doris ħdejha ddeċieda li l-aħjar jieħu paċenzja b’din u joffrilha milli għandu. L-ewwel offra lil Doris u hi rrifjutat. Iżda fid-daqqa u l-ħin tħoss imbuttatura mill-ġenb u tħares lejn Nina u taraha tagħmillha sinjal biex tieħu u żżommha għaliha. Doris ħadet u tbissmet lill-wejter li baqa’ ċċassat b’li ra quddiem għajnejh. “Erġa’ ejja ‘l hawn ta wejter ħi,” qaltlu bi tbissima Nina u dak għamlilha sinjal ta’ iva u telaq ‘l hemm.
Sadattant l-għarusa kienet daħlet u warajha purċissjoni ta’ kameramen u l-fotografu jdur warajha. Nina ħarġet il-maktur u mesħet ħalqha biex tidher tajba fil-filmat. Kif l-għarusa resqet lejhom, Nina u Doris taw l-aħjar apparenza li kienu jifilħu jagħtu u l-lenti tal-kamera ffukat fuqhom sew. Ħafna tbissim u mumenti qosra ta’ ħars lejn il-kamera.
Kif telqet il-kamera u l-għarusa, Nina reġgħet bdiet tgħarrex għall-wejters u Doris tgħarrex għal xi ħadd gustuż biex kif jiftaħ iż-żfin tieħu waħda fin-nofs. Il-wejters bil-mod il-mod bdew jidraw lil Nina u kollha bdew jidħkulha u joffrulha milli kellhom. Ħalqha dejjem tiela’ u nieżel, jomgħod u kultant tgħaddi xi kelma lil Doris biex toqgħod attent għal xinhu ħiereġ mill-kċina. Doris avżat lil Nina li qed tiekol wisq u li aħjar toqgħod attenta u tikkontrolla ftit. Iżda Nina kienet fis-seba’ sema u l-parir ta’ Doris waqa’ fuq widnejn torox.
Il-miżżewġin friski fetħu ż-żfin u kulħadd dar magħhom jiggustahom u jammirahom. Doris u Nina bdew jixtiequ li jsibu lil xi ħadd ħa jiżfnu wkoll. Iżda Nina bdiet tħoss l-istonku magħfus u żaqqha minfuħa. Minn wara l-kolonna tfaċċa s-sagristan u offra lil Doris biex tiżfen. Nina berqet għajnejha imma kienet skomda wisq biex taħtaf lis-sagristan hi. Is-sagristan induna bis-sitwazzjoni u wegħedhom li l-ewwel jiżfen ma’ Doris u mbagħad jekk Nina tkun tixtieq, jiżfen magħha wkoll. Is-sagristan dawwar lil Doris madwar is-sala qisha kienet qiegħda fil-luna park. Wara ħames minuti bdiet tistordi u għajtet lil Nina għall-għajnuna. Nina daħlet fin-nofs, qabdet lis-sagristan u kompliet tiżfen miegħu hi...tiżżegleg u tiżgija u taqbeż daqs mulett. Iżda wara żewġ minuti tisma’ l-libsa tfaqqa’ u kif tħares ‘l isfel tara l-libsa miftuqa. Is-sagristan tbissmilha u Nina telqet tiġri lejn it-tojlit. Hi u sejra iltaqgħet mal-kappillan u saret ħamra nar. Warajha marret Doris biex tipprova tara xi ġralha. B’xorti tajba Doris kellha labra tas-sarwan u t-toqba ttgħattiet tajjeb.
Kien wasal il-mument tal-ħelu. Minkejja l-istat kritiku li kienet tinsab fih, Nina xorta kompliet tiekol u tiffanga. Il-ħelu kienet tħobbu wisq u bdiet tibla’ kulma jiġi quddiemha....pasti tal-krema, profiteroles, pasti tal-lewż, imqaret żgħar ... kollox....li beda ġej quddiemha ħafnitu bl-akbar enerġija. Iżda Nina ma felħitx toqgħod fuq saqajha. Kompliet tiekol, bilqiegħda fuq siġġu ħdejn kolonna b’Doris trewħilha u s-sagristan iġibilha aktar ħelu.
It-tieġ beda riesaq lejn tmiemu. Kien wasal il-mument fejn l-għarusa twaddab il-bukkett. Hawnhekk Doris resqet ‘il quddiem qalb il-folla. Kulħadd iċapċap u jgħajjat, iżda Doris ma bdiet tisma’ u tara xejn. Ħarsitha kienet biss fuq dak il-bukkett u fil-ħsieb li jekk taqbdu hi kien jirnexxilha ssib l-għarus tant mixtieq. Insiet lil Nina warajha, lis-sagristan u lil kulħadd u bdiet timbotta biex issib post addattat u taqbad dak l-imbierek bukkett. F’qalbha wiegħdet lill-Madonna ta’ Pinu li jekk il-bukkett jispiċċa f’idejha u ssib lil dan l-għarus, taqbad lil Nina u titla’ s-santwarju t’Għawdex u tirregalah lilha u jqiegħduh fil-vetrina b’ittra kommoventi mingħandha u tgħid li “dan il-bukkett ingħata lill-Madonna mingħand Doris Psaila Vassalli talli qalgħetilha l-grazzja li ssib l-għarus tant mixtieq.” Is-sagristan kien qed isegwiha b’għajnejh jitlob hu wkoll li Doris taqbad dak il-bukkett biex hekk ikun jista’ jibda l-pjanijiet li tant kienu ilhom f’moħħu u forsi bl-interċezzjoni ta’ Santa Filomena twasslu fejn irid hu! Kien ilu jsegwi l-passi tagħha u jammiraha kulmeta titla’ fuq l-ambone taqra l-ewwel qari, is-salm responsorjali u kultant it-tieni qari wkoll. Dan l-aħħar sar isegwi l-liturġija bl-akbar entużjażmu. Mur għidilhom lil dawn it-tnejn x’kunflitti kienu qed jaqilgħu fil-Ġenna!
L-għarusa għolliet il-bukkett ‘il fuq. Għajnejn Doris isegwu t-tidwira tal-bukkett u tarah nieżel bil-mod lejn tfajla li kienet qed tħares lejh ukoll bħal manna nieżla mis-sema. Iżda Doris tat is-salt u b’daqqa b’ġenbha ressqet lil din it-tfajla, għolliet idha ‘l fuq u bl-akbar ħila qabdet il-bukkett. Kulħadd ħares lejha u ċapċpilha. Marret lura lejn Nina u s-sagristan offrielhom lift sad-dar.
Ħassewhom kuntenti u sodisfatti. Kielu biżżejjed, żifnu u l-bukkett kien spiċċa f’idejn Doris. Ħarsu lejn is-sagristan u aċċettaw l-offerta tiegħu. Telqu mit-tieġ għalenija u kuntenti. Tgħidx kemm damu jirringrazzjawh u qalulu kif qabad magħhom ix-xufier tal-karozza tal-kiri. Is-sagristan skanta u qalilhom li llum il-ġurnata ma tista’ tafda lil ħadd. L-ewwel wassal lil Nina u mbagħad saq bil-mod lejn id-dar ta’ Doris.

Thursday, November 15, 2007

Terġa' tikteb Nokkla Safra, b'dedika speċjali għal Doris

Le taħsbux li jien poeta
Jien ħlief numri ma naħdimx
Iżda kif se nirreżisti
Sabiex ġita ma nitlifx?


Reġgħet ġiet l-ispirazzjoni
Wara illi 'l Mundu rajt
B'dawk il-bużullotti kollha
Dlonk għal Nina w Doris tlajt!


Iżda x'jiswa Ray il-Bomba
Meta Nina hi murtal?
U xi ngħidu għal dik Doris
Iva mart Ċali l-kaħħal!


Iżda 'l dik l-iskola ejj' ara
Jekk qed taħsibha xi ġbara!
U għal Nina l-monti mur
Għal kull prezz tkun kaċċatur


Mela Dor, ġietni idea
Ħu dan is-suġġeriment
Daqs darba kull nhar ta' Ġimgha
Nagħmlu bħal dak Tour de Frank!


Mur arana kemm inwerżqu
Jaħsbuna grupp minn Kordin
U xi tgħid jekk insemmuhom
"Come Sightseeing with DorNin" ?


Ħudna dawra ma' dal-gżejjer
Nibdew fuq xi 'pedal boat'
Nina fuq quddiem ixxejjer
Basta lkoll nibqgħu afloat!


U insomma għada għidli
Għax inkella nibqa' ngħid!
Ajma x'ngħas diġà qabadni
Għal daqsxejn ma dħaltx fil-ħajt
!

Tikteb il-Marchesina!

Lil Nina u Doris ili nafhom sew
u issa ma’ kulħadd qed jissemmew,
daqqa l-bahar u daqqa max-xufier
inħoss li qed jgħadduha ħafna bil-ġmiel!

Mela la darba daħħluna kollha f'kompetizzjoni
din il-poeżija nipprova nikteb b'dedikazzjoni,
lil dawn il-ħbieb tiegħi li ili naf sew
u li issa anke fuq 'blog' qed jissemmew!

Issa Daqshekk! kitba ta' Nokkla Safra

X'waħda din kif ser tħawduni
B'dal-kitbiet ser iġġennuni
Rima w sillabi bl-addoċċ
U għal numru ma ssibx post.

U għalhekk nitlob lil Nina
Sabiex tqum tagħmlilna rima
B'xi statistika jew tnejn
Ħafna numri m'hemmx għalfejn.

W issa meta tmur il-monti
'K Alla jrid dalwaqt Jannar
Għoddhom sew ta l-flus kontanti!
Ewroċent hemm kbar u żgħar!

Nin tinsiex lil bużnannuk
Dak li kien fl-edukazzjoni
Dawk in-numri żgur farrkuh
U tellgħulu il-pressjoni.

Kien iħobb il-perfezzjoni
F'numri jaħseb lejl u nhar
Però Nina jiena naf
Li dik m'hijiex soluzzjoni.

Issa jien se nikkonkludi
Għax bla saħħa ħallejtuni
X'għarukaża erba' versi
Inħosshom moħħi nixxfuli

U għalhekk ngħid viva n-numri!
Wieħed, tnejn jew mitt miljun
B'Nina tgħodd u Doris tikteb,
Aħjar minn hekk, x'jista' jkun?

Tuesday, November 13, 2007

Nina u Doris imorru l-baħar

Kien is-sajf ta' l-2007, meta Nina u Doris iddeċidew li huma wkoll, bħall-bqija tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, igawdu l-frisk tal-baħar, waqt li jgħidu kelma fuq it-temp, fuq il-ħajja u fuq ix-xemx għaddejja. Nina u Doris kienu jmorru armati. Mimlijin għarfien dwar il-ħsara li taf tagħmel ix-xemx, Doris kienet iġġorr magħha l-kamp; kamp li kienet ġabitu b'xejn meta xtrat tużżana birra Heineken u li xorbithom flimkien ma’ Nina fil-weekend tal-festa, bilqiegħda fuq siġġu fuq l-għatba tal-bieb jaraw il-marċ għaddej waqt il-festa għażiża tagħhom Santa Filomena. Il-birra tahom enerġija ġdida u f’qalbhom xtaqu li jingħaqdu ma’ dawk iż-żgħażagħ u jesprimu, fost il-qbiż u l-għajat, l-imħabba tagħhom lejn il-patruna li kienet tipproteġihom mill-għawġ kollu tad-dinja. Iżda minn dan ma ġara xejn. Riedu u kellhom bilfors iżommu d-dekor tagħhom u r-rispett li kienu jgawdu mill-kappillan. Ix-xewqa baqgħet biss f’qalbhom u f’għajnejhom u r-riħa tal-birra kienet biżżejjed biex iġġegħelhom jimmaġinaw li huma wkoll qegħdin f’nofs il-marċ.
Imma int qed taħseb li Nina u Doris joqogħdu jixtru l-birra? Le; kienet okkażjoni ta’ darba. Sempliċiment biex jiddubbaw il-kamp; għax Tereża ta’ ħdejhom kienet qaltilhom li mistagħġbin x’offerta tajba kienu qed joffru fis-supermarkit u mhux ta’ min jitlifha. U meta raw lil Tereża tgħabbi t-tfal fil-karozza u l-kamp fil-but ta’ wara, Doris iddeċidiet li kien wasal iż-żmien li jiċċaqalqu; imorru jġibu l-kamp u l-birra wkoll u jitilqulha lejn il-baħar jitbaħbħu ftit u fl-istess ħin jaraw min ikun hemm ħdejn il-baħar!
Iżda l-kamp waħdu mhux biżżejjed. Doris kienet iġġib ukoll : xugaman żejjed biex wara li tarma l-kamp tqiegħed ix-xugaman fuqu. Dan għaliex Malvejni, minn fuq ir-radju, kienet qalet li mhux imbilli toqgħod taħt xi għata fix-xemx. Ir-raġġi UV jgħaddu xorta waħda. Doris bdiet tinkwieta u ħasbet fuq li ħasbet, sakemm waslet għas-soluzzjoni. L-għata tarmaha xorta waħda u fuqha tqiegħed xugaman kbir li tqabbdu mal-kamp sabiħ tagħha. Mela kienet tieħu wkoll l-labar ta’ l-inxir. Iżda dan mhux biżżejjed. Doris kienet taħseb fil-kumdità. Żewġ saqqijiet irqaq sofor biex żgur ma jintilfux u li jitqiegħdu ġewwa l-kamp. Mhux sewwa li jkissru l-warrani hux ?! Gazzetta, Doris kienet iġġib ukoll il-gazzetta. L-ewwelnett riedu juru lil kulħadd li huma kienu nies aġġornati fil-ġrajjiet kurrenti ta’ barra u ta’ Malta, u wkoll biex juru kemm jafu jirrilassaw. Donnu l-fatt li meta żżomm gazzetta f’idek quddiem il-baħar tiftakar f’dawk kollha li ma setgħux ikunu l-baħar bħal Nina u Doris u allura l-gazzetta taf tagħti pjaċir. Imma gazzetta waħda u mhux tnejn! Fil-verità riedu jiċċekkjaw il-previżjoni tat-temp għall-ħamest ijiem ta’ wara, min miet, min iżżewweġ, min inqabad bid-drogi, x’qed jagħmel il-prim, u l-aktar importanti, x’qed juru fuq it-televixin!
Nina, wkoll kienet tiġi armata. Żewġ ħobżiet imħawrin kif kienet taf tagħmel Nina biss. Ħobża Maltija mħawra bit-tadam, ħabaq, tonn taż-żejt u l-aktar ingredjent importanti….il-fażola ħamra! Doris ma tantx kienet tieħu pjaċir imma kienet tapprezza li l-fażola hi importanti għad-dieta ta’ kuljum, bħalma kien qal it-tabib fuq ir-radju. Maż-żewġ ħobżiet, flixkun ilma kbir, għax il-bjutixin kienet qaltilha li trid tixrob ħafna u ħafna ilma. Nina xtaqet issaqsiha kemm trid tixrob ilma iżda sfortunatament il-bjutixin kienet fuq it-televixin u ma semgħethiex. Imma almenu kienet taf li l-ilma jagħmel tajjeb għall-ġilda u li meta tkun fix-xemx, importanti li tixrob ħafna. Iżda Nina, li hi mara li taf kif imorru l-affarijiet, ġabet ukoll żewġ tazzi u żewġ srievet żgħar bojod irrigati bl-aħmar, għax l-aħmar huwa l-kulur favorit tagħha, biex jimsħu ż-żejt li jibda jaqa' mill-ġenb ta' ħalqhom huma u jiftħu ħalq kbir biex jirnexxilhom jigdmu minn dik il-ħobża kbira ta’ Nina. Kienu konxji li jridu jidhru tajjeb, li jżommu d-dekor u li l-manjieri u l-edukazzjoni għandhom ikunu l-vetrina tagħhom it-tnejn, kif kien dejjem jgħidilhom il-kappillan u fuq kollox … għax ħeq ma tafx ma' min tista' tiltaqa' meta tkun qed tixxemmex ħdejn il-baħar!!!
Hekk kif Nina u Doris waslu Għajn Tuffieħa, armati sa ruħ ommhom, riedu jsibu parking eżatt ħdejn il-bajja. Stennew li kif iniżżlu saqajhom mal-qiegħa, iħossu r-ramel mas-swaba’ ta’ saqajhom. Iżda l-parker malajr għamillhom sinjal li post ma kienx hemm. Tista’ taħseb, it-tgergir ta’ Nina ma waqafx. Ilmarija santa issa fejn se nipparkjaw? Ara tipparkjax ‘il bogħod ta. Kif se nitilgħu t-telgħa mbagħad? Idħaqlu ftit ‘il parker forsi jsibilna post!
Imma kollu ta’ xejn. Doris telgħet ‘il fuq u avżat lil Nina li mhix se tħalli l-karozza fid-djuq u fil-periklu li ma jmorrux imissuhielha. U jekk se nibdew biż-żigużajg imorru lura lejn ir-raħal. U Nina kellha tikkuntenta b’li qaltilha Doris. Hekk kif niżlu n-niżla u raw il-bajja kollha ramel u l-baħar blu kalm quddiemhom ħassew għaxqa kbira. Waqfu jħarsu għal mument, sikta liema bħalha … Nina żżomm basket daqs dinja, bil-kappell roża ġo rasha, u Doris iżżomm basket daqs dinja f’id, u l-kamp fl-id l-oħra, it-tnejn jistennew li jtuha bir-ras għal ġol-baħar. It-tnejn kienu armati sewwa, bħal żewġ gladjaturi f’nofs arena lesti għat-taqbida. Doris u Nina, fi ġlieda kontra x-xemx u l-ġuħ, kienu lesti għal nofs ta’ nhar għawm u rilassament.

Kien wasal il-mument li jerħulha fuq ir-ramel u jsibu post adattat fejn jistabilixxu t-territorju tagħhom. Biċċa xogħol importanti ... għax dan kien se jfisser li jsibu l-post minn fejn Nina u Doris setgħu joqogħdu komdi jammiraw il-baħar u jevalwaw ix-xemx għaddejja. Jiġifieri riedu jagħmlu studju bir-reqqa ta’ fejn kienu qiegħdu l-affarijiet personali tagħhom l-għawwiema l-oħra biex imbagħad jaslu għall-konklużjoni tagħhom. Doris baqgħet tħares ma tafx x’se taqbad tagħmel u Nina erħitilha lejn it-taraġ li kien jagħti għal ġor-ramel. Doris imxiet warajha u ddeċidiet li tħalli f’idejn Nina. Niżlu t-taraġ u kif waslu fl-aħħar tarġa Nina qalet lil Doris biex tneħħi l-flip flop biex jimxu fuq ir-ramel. Doris f’qalbha ħasset id-determinazzjoni ta’ Nina u bħal donnha indunat li din Nina kienet taf fejn għandha tmur u fejn tqiegħed l-affarijiet.
Hekk kif niżlu saqajhom fir-ramel baqgħu niżlin xi ftit ‘l isfel. Tgħid għax forsi kien mgħobbijin iżżejjed? Iżda le...ir-ramel artab laqagħhom bil-ħlewwa u wriehom li bid-determinazzjoni kollha ta’ Nina, xorta kellhom jissieltu miegħu biex fl-inqas ħin possibli jaslu fil-post fejn riedu jarmaw il-kamp. Li kieku kellek tara lil Nina u Doris minn fuq xi ħelikopter, jimxu u jaqsmu l-bajja, kont tistħajjilhom żewġ pingwini mgħaġġlin.
Nina u Doris sabu roqgħa eżatt quddiem il-baħar. Doris li tħobb tinkwieta, qaltilha li l-ġurnata ta’ qabel, fuq ir-radju kienet semgħet li ħarġet liġi li ma tistax tarma eżatt eżatt quddiem il-baħar iżda xi ftit metri lura mit-tarf tar-ramel. Nina bdiet tonfoħ u taqleb għajnejha għax ma riditx li jkun hemm xi appostlu li jimbarralha l-veduta. U hawn kienet ser tibda l-ewwel ġlieda. “U jekk jiġi l-gwardjan tal-baħar u jqajjimna wara li nkunu armajna kollox, x’nagħmlu?” qaltilha Doris imħassba bl-akbar serjetà. U Nina għalqet ħalqha u resqet ftit lura. “Kemm lura? Ir-rutella jonqosna nġibu magħna! Taf kemm-il metru?” Doris ma kinitx taf għax bħas-soltu kienet tisma’ r-radju waqt li tkun qed taħsel il-kamra tal-banju u mhux dejjem taqbad kollox. “Minn mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea ħlief liġijiet ta’ x’suppost nagħmlu u x’mhux suppost nagħmlu ma nismax! Hekk jonqos issa...jiġi l-gwardjan tal-baħar! U jekk hu tal-baħar, x’nagħmel jien fuq ir-ramel mhix biċċa tiegħu!” qalet imbaqbqa Nina. U wara ħafna tgergir u spekulazzjonijiet, intefgħu daqs żewġ metri ‘l bogħod mit-tarf tar-ramel.
Kien wasal il-ħin ta’ l-armar tal-kamp. Dan il-kamp kien jintrama billi jgħaqqdu stikek suwed bil-ħadid fit-tarf ,bħal dawk li jużaw fil-maġija biex hekk jiffurmaw il-qafas u l-kamp ikun sod. Nina bdiet tgħaqqad l-istikek iż-żgħar filwaqt li Doris bdiet tgħaqqad il-kbira. B’daharha lejn Nina, Doris kienet mitlufa ddaħħal stikka f’oħra, meta f’ħin bla waqt laqtet lil Nina f’wiċċha. “Ar’hemm!” Tista’ taħseb x’għaġeb għamlet Nina! Kienet dabbret l-ewwel daqqa tal-ġurnata. Doris tgħidilha li ma messhiex qagħdet fin-nofs u Nina tgħidilha li messha toqgħod attenta fejn tarma l-istikka. Minn hawn u minn hemm ramaw il-kamp, daħħlu l-basktijiet ġewwa u firxu s-saqqijiet sofor li kienu jikkuntrastaw sabiħ mal-kamp aħdar. Doris talbet lil Nina tnewlilha l-labar ta’ l-inxir biex tqabbad ix-xugaman il-kbir mal-kamp fost ħafna tgergir li anke meta tmur il-baħar kienet tispiċċa tonxor xi biċċa ħwejjeġ.
Ferħanin u kuntenti bl-għorfa tagħhom, Nina u Doris intefgħu bilqiegħda ġewwa l-kamp qishom il-baqra u l-ħmara fil-grotta ta’ Betlem, iħarsu u jammiraw il-baħar li kien bnazzi żejt. Nina kellha ġenn biex tinżel u ċċafċaf tnejn f’dak il-baħar kalm li kien qed ifakkarha fil-pixxina li dejjem xtaqet li għamlet fil-ġnejna tagħha. Iżda Doris kien għad fadallha proċess ieħor x’tagħmel. Ħarġet il-krema tax-xemx u bdiet pass pass iddellek kull parti ta’ ġisimha li kienet esposta għax-xemx. Nina ma kellhiex sabar u Doris fakkritha x’kienet tgħid Malvejni fuq ir-radju. Nina malajr fakkritha li f’Sellili t-tabib qal li l-vitamina D nġibuha biss mix-xemx u allura daqsxejn xemx ma tagħmilx ħażin. Imma xejn ma kien se jikkonvinċi lil Doris. Kienet qed iddellek krema bi protezzjoni ‘l fuq minn 60 għax il-ġilda fina tagħha kienet sensittiva daqs dik ta’ tarbija. Malvejni kienet qalet ukoll li l-aħjar ma togħrokx ħafna l-krema sakemm ma tibqax tidher. Jekk tħalli dik il-lega bajdanija r-raġġi UV ma jippenetrawx u għalhekk il-kulur naturali tal-ġilda ma baqax jidher u Doris saret qisha l-fatat tal-bajja.
Kien wasal il-mument li jinżlu fil-baħar. Hekk kif rahom resqin lejh, il-baħar miskin twerwer. Il-bjudija tqażżek ta’ Doris u l-entużjażmu żejjed ta’ Nina kien biżżejjed biex jipprova jersaq ‘il bogħod minnhom kemm jista’ jkun. Iżda Nina u Doris rebħulu għax daħlu fih b’delikatezza liema bħalha. “Ajma kemm hu kiesaħ, Dor!”, “Ħallini ara għax f’qalbi qed inħossu” ... u wara ħafna tqanżiħ ta’ “aħħ” u “uħħ” niżlu fil-baħar. Ara taħsbu li Nina u Doris kienu xi għawwiema esperti. Din il-ħarġa sal-baħar kienet tfisser li dawn it-tnejn joqogħdu fil-baħar baxx fejn jilħqilhom u b’idejhom jagħmlu moviment ‘il barra fit-tond taparsi qed jagħmlu xi tip ta’ sforz għax qegħdin jgħumu. Madwar Doris iffurmat bħal lega żejt minħabba l-krema kollha li kienet xappet u Nina bdiet takkużaha li qed tniġġes il-baħar minħabba l-fissazzjoni tagħha.
Wara xi nofs siegħa jitkellmu u jħarsu lejn kull rokna tal-bajja, Nina u Doris iddejqu u xtaqu li jagħmlu xi ħaġa differenti minn tas-soltu. Ix-xewqa li jibqgħu jħossuhom żgħażagħ, ġegħlithom ikunu avventurużi u Nina ssuġġeriet li jikru dgħajsa tal-pedali u jmorru jesploraw il-bajja u l-inħawi tagħha. L-idea għoġbot lil Doris minnufih u rwelha lejn il-ħanut li kien jikri d-dgħajjes lin-nies. Kellhom ċans siegħa biex iduru fejn iridu. Avżahom biex joqogħdu attenti mill-kurrent għax jekk jinqabdu fih kien ikollu joħroġ għalihom. Iżda Doris kienet żguratu li dan ma kienx ser jiġri għax kienet tifhem ħafna fir-riħ u l-movimenti tiegħu.
U hekk, f’dak il-baħar sabiħ, Doris u Nina ħarġu jaqdfu bid-dgħajsa ‘l barra. Ħassewhom kburin u bdew jimmaġinaw li għandhom boat liema bħalha. Bdew jammiraw il-ġebel kbir u l-veġetazzjoni mal-ġenb tal-bajja. It-torri ta’ De Redin li kien fit-tarf fuq l-irdum ħares lejhom bi ħlewwa liema bħalha u bħal donnu kien qed iħarishom minn kull għawġ li setgħu jiltaqgħu miegħu. Wara kwarta għaddejjin, Doris u Nina bdew jegħjew iżda d-determinazzjoni li jesploraw l-inħawi kienet kbira wisq. Hekk kif waslu bi dritt it-torri, Nina ssuġġeriet li jduru ma’ l-irdum u jaraw xhemm fuq wara. Baqgħu għaddejjin qishom ħmar tas-sienja, jaqdfu, jaqdfu u jkomplu jaqfu, sakemm waslu f’parti oħra. Kien hemm blata kbira u ċatta maħruġa ‘l barra u fuqha xi nies. Mill-bogħod ma setgħux jaraw sew u Doris u Nina, ta’ kurjużi li huma, iddeċidew li jersqu aktar fil-qrib. Iżda hekk kif resqu ħadu l-qatgħa ta’ ħajjithom. Fuq din il-blata kien hemm qabda rġiel kollha bl-ingravata tidher. Nina qabbżet għajnejha ‘l barra biex taċċerta ruħha li rat sew. Iva l-ingravati kienu jidhru! Kien se jtiha ħass ħażin. Doris bdiet trodd is-slaleb u bdiet tgħid li din hi kollha indiċenza u ara fiex wasalna fis-seklu wieħed u għoxrin! “Doris tħarisx ta ... ara kieku jkun hawn il-kappillan kemm jitkaża bina!” “Ara l-oħra...mela aħna konna nafu li hawn din l-indiċenza kollha? Ġib il-mowbajl ħa nirrappurtawhom lill-pulizija!” “Ma tafx li l-mowbajl fil-basket qiegħed!” U ddeċidew li jmorru lura għax is-sħana tax-xemx bdiet tinħass sewwa u l-qatgħa li kellhom fuqhom kienet kbira wisq. Iżda sadattant kienet qamet żiffa ħelwa ‘l ġewwa lejn il-blata u mingħajr ma jafu Doris u Nina kienu resqin dejjem lejn il-blata. “Doris dawwar it-tmun ... ejja ħaffef ... għax ma jmurx il-kappillan ġie għal xi mixja biż-żgħażagħ u jarana hawn!” Hekk kif dawret it-tmun bdew jaqdfu u l-għeja kienet kbira wisq. F’daqqa waħda rrealizzaw bl-iżball li għamlu, li jkunu avventurużi żżejjed u li l-aħjar din ix-xewqa li jagħmluha ta’ sittax iżommuha f’qalbhom bħalma għamlu meta qagħdu jixorbu l-birra fuq l-għatba tal-bieb huma u jaraw il-marċ għaddej.
Minn hawn u minn hemm irnexxielhom jinqalgħu minn fejn kienu u wara ħafna tqanżiħ waslu bid-dgħajsa lejn il-bajja oriġinali fejn kienu. Hekk kif Nina niżlet saqajha fil-baħar biex titla’ għal fuq ir-ramel tħoss bħal tingiż f’kuxxtejha u tqiegħed idha fuqha. Brama żgħira kienet attirat ruħha lejn il-koxxa bajdanija ta’ Nina u din spiċċat vittma tagħha. Mhemmx għalfejn ngħidlek bl-għajat u l-qrid bl-uġigħ ta’ Nina. B’xorti tajba, Doris li kienet armata sewwa, qalet lil Nina li kienet ġabet magħha flixkun biż-żejt u tista’ tidlek minnu u Nina aktar irrabjat u qaltilha, “ħall kellek ġġib mela żejt! Din Malvejni qalithielek ukoll?!”
Hekk kif marru lura fil-kamp biex jistrieħu ftit u jirkupraw mill-esperjenza mhux tas-soltu li għaddew minnha, sabu li l-veduta li kellhom quddiem il-kamp ma baqgħetx hemm. Grupp ta’ studenti barranin kienu ntefgħu eżatt quddiemhom, uħud minnhom wiċċhom ‘l isfel u oħrajn wiċċhom ‘il fuq kollha mqaċċtin biex teħodhom ix-xemx. Nina daret lejn Doris u qaltilha, “Fejn hu l-gwardjan? Jew dawn jistgħu jiksruha l-liġi?! Mhux talli qegħdin eżatt mal-baħar, talli libsin indiċenti!!!” Doris ma qalet xejn. Ftit tal-ħin wara ġew żewġ turisti oħra li kienu avvanzati fl-età. Ir-raġel kalm kalm neża’ ħwejġu u Doris u Nina, kellhom joqogħdu jaraw in-nokkli bojod fuq sidru, żaqq maħruġa ‘l barra u malja żgħira li tħalli kollox spjegat. Nina u Doris tgħidx kemm tkażaw. Dan kien wisq għalihom u ddeċidew li jippakkjaw u jmorru lura d-dar. Hekk jew b’hekk kien wasal il-ħin li jibda Beautiful u Doris ma tkunx trid titilfu. Ftiehmu li jgħidu kollox lill-kappillan ħa jserrħu l-kuxjenza. Doris qalet li se ċċempel fuq radju RTK u tirrapporta li l-valuri llum il-ġurnata spiċċaw u li hemm bżonn li tittieħed azzjoni għax qegħdin f’ħalq id-dragun tal-ħażen. Nina qablet magħha u ddeċidiet li lill-kappillan tissuġġerilu biex tibda torganizza laqgħat għaż-żgħażagħ biex tbegħedhom mill-ħażen. Nina u Doris ippakkjaw kollox u rħewlha lura lejn il-karozza. Huma u jaqsmu l-bajja, ir-ramel reġa’ għamilhielhom diffiċli biex joħorġu malajr kemm jista’ jkun minn hemm. Nina u Doris kienu bħal żewġ pingwini għajjiena.

Fuq il-Monti ta’ Marsaxlokk

Nina u Doris kienu sikwit joħorġu u kellhom ħabta jduru l-postijiet fejn jarma l-monti. Daqqa l-Mosta, daqqa B’Kara, daqqa Bormla u daqqa l-Belt. Dik l-atmosfera ta’ trassis, tgerfix u ffullar kienet togħġobhom wisq. Dan għaliex Nina kellha ħabta taf kif tikkustinja mal-bejjiegħa, b’tali mod li fl-aħħar meta jaraw li din il-mara kienet qabdet mal-bejgħa tagħhom bħal qarnita jiddeċiedu li jraħħsulha ftit u Nina titlaq minn hemm bi tbissima daqsiex fuq fommha filwaqt li terġa’ tibda tgħarrex b’għajnejha biex tara jogħġobhiex xi ħaġa oħra u tlesti d-dwiefer għall-vittma li jmiss. Doris kienet takkumpanjaha. Ma kellhiex il-ħila li kellha Nina iżda f’qalbha kienet iddeċidiet li Nina kellha tkun l-eżempju tagħha u ssegwiha biex xi darba ssir tinqala’ fis-sengħa tax-xiri bi skontijiet speċjali.
Jum fost l-oħrajn Nina u Doris kienu miftiehmin biex jinżlu sal-monti ta’ Marsaxlokk. Mistagħġbin kemm ikun hemm ħut sabiħ u frisk; u qalu wkoll li jkun għadu ħaj, hemm għall-wiri, kollha jħarsu lejn ix-xerrejja u kultant ikellmuhom ukoll. Nina u Doris ftiehmu li l-ewwel jiltaqgħu l-Belt. Eżatt eżatt ħdejn il-gabbana tal-ħalib. Fl-imgħoddi, f’żgħożithom kienu jsejħulha ż-żejża klabb iżda issa li t-tnejn huma ta’ ċertu livell, mingħajr ma ftiehmu bejniethom iddeċidew li jibdew isejħulha l-gabbana tal-ħalib u Nina darba minnhom ħarbitilha wkoll milk vann iżda malajr għalqet ħalqha xħin rat il-ħarsa ta’ Mikiel riflessa f’għajnejn Doris. U hekk, fit-tmienja u nofs Nina kienet tinsab wieqfa qisha arblu eżatt quddiem il-gabbana. Għal min ma kienx jafha kien jistħajjilha qed tbigħ il-ħalib hi stess għax intefgħet eżatt fin-nofs tal-faċċata tiegħu. Idejha marbutin u minn bejniethom, ħiereġ laġenba tara nieżel il-manku ta’ ġewlaq kbir. Iżda Nina ma kinetx qed tbigħ ħalib ... kienet sejra sal-monti ta’ Marsaxlokk. Għajnejha kienu diġà ħadu l-qagħda ta’ għarriexa tajba lesta biex tilmaħ l-ewwel vittma. Filfatt din il-vittma kellha tkun Doris. Għax Doris kull fejn tmur dejjem tard u Nina dejjem tistenna. Dejjem bl-istess qagħda, b’idejha marbutin, b’ħarsa ta’ xi ħadd li xeba’ jistenna, b’xofftejn mibrumin ‘il ġewwa u ċaqliqa żgħira fis-sieq ix-xellugija bħal qisu hemm xi molla fil-pett taż-żarbun. Din il-qagħda kienet turi biss li Nina qabżitilha.
Fid-9 neqsin kwart tfaċċat Doris nieżla minn waħda mill-karozzi tal-linja. Nina lemħitha mill-bogħod u idejha niżlu 'l isfel lesti biex jixxejru bħal mitħna hekk kif tersaq Doris lejha. Doris ħeffet lejn il-gabbana u hekk kif resqet lejn Nina, qaltilha, “Ejja Nin ħaffef x’int tistenna hemm...ejja ħa naqbdu t-27 għax jekk nitilfuha jkollna nistennew xi nofs siegħa oħra!” U x-xoffa ta’ taħt ta’ Nina waqgħet 'l isfel u b’ħalqha miftuħ segwiet lil Doris li kienet diġà bdiet tlebbet lejn il-karozza tal-linja. Li kieku kellek tara lil Nina u Doris...is-suldat miexi wara l-kapural. Mhux għax Doris għandha figura ta’ kapural, iżda għax Doris kienet taf sewwa lill-president ta’ l-unjin tas-sidien tal-karozzi tal-linja u allura fil-qasam tat-trasport pubbliku kienet tħossha kunfidenti. Ħafna mix-xufiera kienu jafuha u allura, minkejja li kellhom karozza privata, meta kienu jiftiehmu li jmorru l-monti, Doris kienet tisħaqq ma’ Nina li kellhom imorru bil-karozza tal-linja, għax taf lil Ċalì ta’ l-unjin.
It-27 kienet qiegħda hemm tistenna, iżda hekk kif kienu qed joqorbu lejha Doris u Nina, bħal donnha twerwret minnhom u bdiet miexja bil-mod. Doris qabdet tiġri u tgħajjat, “OJ OJ xufier! Stenniena....!” Ix-xufier waqqfilhom u Doris u Nina telgħu, it-tnejn b’nifishom maqtugħ, it-tnejn qishom ħadu l-battikata tas-sena. Hekk kif ħallsu u qatgħu l-biljett taw ħarsa lejn is-sits u raw li kollha kienu meħudin. Ma kellhomx aptit jagħmlu vjaġġ mdendlin mal-manku tal-ġilda tas-saqaf jixxenglu ‘l hawn u’l hemm bħal tnejn fis-sakra ma’ kull brejk u ma’ kull dawra. Kien hemm post eżatt ħdejn ix-xufier. Iddeċidew li aħjar jintefgħu hemm u jitolbu li jaslu bis-sliema. Ix-xufier laħaq beda jsuq u l-iskoss li ta kien biżżejjed biex itiru minn fejn kienu u jpoġġu fuq il-bank dejjaq faċċata tax-xufier. Nina qiegħdet il-ġewlaq fil-ftit post li kien għad fadal ħdejha. Kienu bilqiegħda laġenba u bejnhom u bejn ix-xufier kien hemm il-magna kbira mgħottija bil-ħadid tal-karozza tal-linja. Raddew is-salib u ħarsu lejn xulxin biex jaqbdu l-parlata tas-soltu iżda bil-ħsejjes tal-magna kien diffiċli jitkellmu b’vuċi normali. Għal Nina din ma kinitx problema għax bdiet tinstema’ xorta waħda tant li attirat l-attenzjoni tax-xufier.
Dan ix-xufier kien jidher li kellu burdata tajba. Liebes qmis blu bl-ewwel tliet buttuni miftuħin u s-suf ta’ sidru ħiereġ ‘il barra bħal erba’ ħaxixiet salvaġġi. Madwar għonqu katina ħoxna tad-deheb, b’salib li kien isib ruħu komdu eżatt fuq is-suf. Misluta fi forma ta’ qrun tad-deheb ma’ widintu x-xellugija, leħja ta’ ħamest ijiem u x-xedaq tiela’ u nieżel b’chewing gum roża li ġieli tisponta ‘l barra minn bejn ix-xufftejn. Nuċċali tax-xemx tar-ray ban li ma tarax fejn huma għajnejh. Il-kmiem tal-qmis mgħollija ‘l fuq biex tidher it-tatù fuq l-ispalla tax-xellug, li kienet tiġi eżatt faċċata ta’ Nina u Doris, b’wiċċ ir-redentur iħares lejhom bħal donnu qed jitlob bil-ħniena lil dawn iż-żewġ nisa biex jeħilsuh minn fejn kien. Il-dash board tal-karozza tal-linja kienet qisha santwarju. Mimlija santi tal-mejtin, tad-duluri u l-qalb ta’ Ġesù. Kien hemm ukoll plakka tgħid “ID-DAGĦA JBAXXIK...TIDGĦIX!” Fid-daqqa u l-ħin ix-xufier jieħu skoss u jiftaħ ħalqu: “Ar’hemm xiż-ż....... tut tut tut!” beda jgħajjat minn wara r-rota. Nina u Doris baqgħu mnixxfin jaraw lil dan ix-xufier iħanġar ma’ sewwieqa ta’ karozza żgħira li kienet qabżitu. Fil-pront dar fuq Nina u Doris u qal, “xejn... illum il-ġurnata kulħadd isuq kif irid! Kulħadd ala bieb it-tut tut tut!” Nina u Doris għamlu sinjal ta’ approvazzjoni imma ma felħux jitkellmu. Id-dragun tal-ħażen reġa’ beda jiddi f’dan ix-xufier u għalxejn ħassewhom aħjar wara li kienu kellmu lill-kappillan dwar l-indiċenzi li kienu raw meta marru jgħumu. Issa kienu sabu lil dan l-appostlu li kellhom joqogħodu jisimgħuh jitkellem baxx. Nina f’qalbha bdiet tirrabja għax kienet semgħet minn Doris biex jużaw it-trasport pubbliku. “Tafu lil dan?” staqsiet lil Doris u l-oħra għamlet sinjal li le. “Jien lil Ċalì ta’ l-unjin l-aktar li naf ħi” Hawn qabeż lix-xufier, “X’naqra lajf għandna dalgħodu!” u Nina qabżet għajnejha ‘l barra eżatt kif għamlet meta rat l-irġiel bl-ingravata barra. “Sejrin sal-monti jew?” Nina għamlitlu sinjal li iva. “Minn dan-naħiet intom jew?” u Nina u Doris bdew iħossu demmhom tiela’ għal rashom. Is-sħana u l-vibrazzjoni tal-magna bdiet iddejjaqhom ma’ saqajhom. Biex tgħaxxaqha fl-art, bejn il-magna u l-bank fejn kienu bilqiegħda Doris u Nina kien hemm barmil u mal-ġenb kien hemm mopp. Ma’ kull skoss qawwi saqajn Nina kienu jispiċċaw fil-barmil u Doris ikollha żżomm mal-mopp. Tul il-vjaġġ kollu l-unika xena li kellhom quddiemhom kien ix-xufier jitkellem ħażin u kultant iħares lejhom b’ħarsa li turi li kellu bżonn jgħid kelma ma’ xi ħadd anke jekk jgħidha bl-għeruq u x-xniexel.
Hekk kif waslu Marsaxklokk baqgħu sejrin dritt lejn il-knisja. Intefgħu bilqiegħda u ħarġu l-kuruna tar-rużarju. Qalu posta flimkien u fl-istess ħin bdew iħossuhom jirkupraw minn dak il-vjaġġ qalil f’kull sens. Is-seklu wieħed u għoxrin bdew iħossuh ġdid wisq għall-gosti tagħhom. Hekk kif lestew ħassewhom aħjar, noddfa u ppurifikati u għalhekk erħewlha lejn il-monti. Il-ġewlaq ta’ Nina fuq quddiem, b’Nina ssegwi u Doris wara. Kien hemm minn kollox...pjanti, żraben, ħwejjeġ, ħut, ġugarelli, kartolini, dekorazzjonijiet tal-Milied, ġriewi, aċċessorji tan-nisa u bjankerija! Iva...Nina u Doris ftakru li kellhom bżonn jixtru l-qliezet ta’ taħt u hekk kif raw kantuniera mimlija bjankerija ta’ fuq u ta’ taħt waqfu hemm. U hawn ukoll kien hemm il-panties, għax hekk issejħilhom Nina akkumpanjata bil-ħarsa kerha ta’ Doris. Nina u Doris bdew jitfixklu. Panties kull kulur, ta’ kull daqs u qies, ta’ kull materjal, ileqqu, jiżolqu, bit-tikki ħoxnin u rqaq, tal-bizzilla u kien hemm uħud minnhom li Nina u Doris ma kinux jafu kif setgħu jintlibsu. “Ħamsa lira Sinjura!” qallha l-bejjiegħ. Nina bdiet ġejja f’diffikultà. L-ewwel nett bdiet tistħi ssaqsi lill-bejjiegħ, li kien raġel, x’tip ta’ panties kienu dawk li kienet qed iżżomm f’idejha. Il-materjal tant kemm kien żgħir li bilkemm kienet tgħatti l-pala ta’ idha, aħseb u ara kemm kienet ħa tgħatti l-warrani! It-tieni nett hi ma riditx minn dawn imma panties kbar u komdi! Doris għamlet il-kuraġġ u qaltlu, “aħna mhux minn dawn irridu ħi...aktar sempliċi jekk jogħġbok, kulur komuni, aktar kbar u komdi.” “iiii sinjura, ara għandi minn dawn...għaxra lira!” u minn taħt il-bank ħareġ sett b’kull qalziet ta’ taħt kbir biżżejjed li tlibbsu lil iljunfant. Hawn Nina tmasħnet, “int x’qed taħsibni! Xi ljunfant?!” U bil-fixla li qabdithom telqu ‘l hemm. Għal darba Nina ma ħarġitx rebbieħa mal-bejjiegħ.
Kif tista’ tmur il-monti ta’ Marsaxlokk u ma tixtrix il-ħut? Nina riedet tmur fil-biċċa fejn ibigħu l-ħut. Lebbtu lejn il-biċċa tal-bidu u hekk kif waslu laqgħethom riħa taqsam ta’ ħut. Hawn wiċċ Doris beda jbiddel surtu u Nina qaltilha biex tissaporti ftit għax trid tixtri ftit lampuki ħalli tagħmel torta kif taf tagħmel biss hi. F’kemm ili ngħidlek xtrat erba’ lampukiet imdaqqsin u reġgħu telqu jduru n-naħa l-oħra. Waslu f’biċċa fejn kienu qed ibigħu l-ħwejjeġ. Kien hemm ħafna flokkijiet mitfugħin bl-addoċċ f’tilliera kbira ta’ l-injam. Doris u Nina taru lejn il-ħwejjeġ u t-tnejn bdew iqallbu kemm jifilħu. Għall-ewwel kienu ‘l bogħod minn xulxin. Doris in-naħa tal-lemin u Nina n-naħa tax-xellug. Bil-mod il-mod bdew resqin lejn xulxin fit-taqlib li bdew jagħmlu. Stajt tara flokkijiet itiru minn fuq rashom lejn il-ġenb dejjem bi stennija li jsibu wieħed li jogħġobhom. Għajnejn Doris waqgħu fuq flokk li kellu kulur aħmar sabiħ u din qabdithom min-naħa tal-lemin iżda ma setgħetx tiġbdu lejha. Min-naħa l-oħra Nina kien għoġobha l-istess kulur u l-istess flokk u din kienet qabditu mix-xellug. It-tnejn sabu ruħhom fejn xulxin, wiċċ imb’wiċċ, it-tnejn iħarsu lejn xulxin b’ħarsa li kienet turi biċ-ċar li t-tnejn kienu fl-aħħar sabu l-flokk li għoġobhom u li riduh. Il-bejjiegħ beda jinkwieta għax kien għoddhom se jqattgħu l-flokk u fil-pront qalilhom, “Sinjuri, jekk tqattgħuh ikollkom tħallsu.” Il-kliem tal-bejjiegħ ġabhom f’sensihom u Doris qaltlu bil-ħlewwa kollha biex isib il-qies ta’ dak l-istess flokk għas-sinjura Nina għax kien għoġobha. Nina rħiet il-flokk minn idejha u tbissmet. Iżda l-bejjiegħ, wara ħafna tiftix qallha li dak kien l-aħħar flokk li kellu u Nina daret lejn Doris. L-oħra qaltilha li ladarba ħalliet il-flokk minn idejha issa ma tistax tippretendi li hu tagħha. Nina ħadet għaliha bil-kbir u telqet ‘l hemm. Doris ħalliet il-flokk hemm u telqet tiġri wara Nina. “Ejja ħa mmorru nieħdu kafè Nin...inħallas jien!”

Iżda Nina qalet li kellha aktar fejn iddur u li jmorru jieħdu kafè meta jaqbadha l-aptit hi u li xebgħet tagħmel dak li tgħidilha hi. Doris bdiet teqred li qed juġagħha daharha u Nina teqred li l-qrid jeqridha. U għalhekk iddeċidew li jmorru jieħdu kafè xi mkien ħalli jiġu f’tagħhom it-tnejn.
Il-kafè marru jeħduh fil-każin tal-banda ta’ Marsaxlokk. Hemm biss sabu miftuħ. Daħlu ġewwa qalb id-duħħan tas-sigaretti. Il-każin kien mimli rġiel, jixorbu l-wiski u jikkumentaw fuq il-qagħda tal-pajjiż. Nina u Doris intefgħu fuq żewġ siġġijiet ħomor tal-ħadid u qagħdu jixorbu l-kafè fil-kwiet. Sadattant il-lampuki ta’ Nina bdew irewħu u Doris bdiet iddejjaqha r-riħa. “Mhux aħjar tiddejjaq mir-riħa tas-sigaretti?!” weġbitha sħuna sħuna Nina. “Ara ma jfettillekx terġa’ tgħidli biex immorru fuq il-monti!” F’daqqa waħda indunaw li l-ħars ta’ l-irġiel kienu kollha fuqhom u ħallsu malajr u telqu jiġru ‘l barra. Ħassewhom jistħu u ftakru fi kliem il-kappillan dwar id-dekor, id-diċenza u l-imġiba xierqa.
Iddeċidew li jmorru lura lejn id-dar. Intefgħu fuq l-istejġ u wara ftit reġgħu raw ix-xufier li kienu waslu miegħu bil-karozza qadima tiegħu. Hekk kif Nina telgħet u resqet lejn ix-xufier biex tħallsu, dan baqa’ jħares lejha u f’daqqa waħda sploda, “għax ma tiħux dawk it-tut tut tut ta’ ħut ‘il barra minn din it-tut tut tut ta’ karozza tal-linja!” Il-ħars kollha tal-passiġġieri waqgħu fuq Nina u Doris. Nina b’ħalqha miftuħ u b’għajnejha mdemmgħin. Doris ħassitha rrabjata għax kien kiser lil Nina b’dak il-mod. “Int hekk tkellimhom lin-nies? Ma jmissekx tistħi! Taf li aħna dħalna fl-Unjoni Ewropea u jmissek iġġib ruħek ta’ nies ma’ kulħadd! Issa nirrappurtak lil Ċalì ta’ l-unjin tagħkom u ngħidlu b’dal-kliem baxx u kemm int arroganti...u tibżax aħna stess ħa ninżlu minn fuq tal-linja għax ma rridux nirkbu miegħek!” “U morru tut tut tut tut tut!!!!”
U Doris u Nina spiċċaw bilqiegħda fuq il-bank ta’ l-istejġ. Nina b’xokk kbir fuqha u mmasħna aktar minn qabel. Kellhom bżonn jikkalmaw u għalhekk reġgħu daħlu l-każin u din id-darba ordnaw te. Nina wriet l-apprezzament lejn Doris għall-mod kif kienet qabżet għaliha u ftiehmu li d-darba ta’ wara jmorru l-monti ta’ B’Kara u lejn Marsaxlokk ma jersqux. Ftiehmu li filgħaxija jmorru jkellmu lill-kappillan ħalli jorganizzaw lejla ta’ talba għall-erwieħ mitlufa. Nina ċemplet lir-raġel u niżżlitu Marsaxlokk għalihom għax qaltlu li ġratilhom waħda tinkiteb u li fuqhom kellhom xokk kbir. Ir-raġel ta’ Nina kellu joqgħod bil-qrid ta’ Nina u Doris u fuq kollox ir-riħa taqsam tal-lampuki. “Issa tara x’torta nagħmillek ħanini!”